Is-sena li għaddiet saru mal-elf tlett mija tnejn u ħamsin azzjoni ta’ infurzar mill-awtorità tal-artijiet.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Carlo Mifsud qal li s-sena li għaddiet saru ammont bla preċedent ta’ azzjonijiet ta’ infurzar fuq artijiet li kienu qed jiġu okkupati illegalment.
Is-Sur Mifsud tkellem dwar l-azzjonijiet ta’ infurzar li ħadet l-awtorità f’għadd ta’ bajjiet meta neħħiet mijiet ta’ umbrelel u deckchairs li tpoġġew illegalement.
Huwa kellu kliem ta’ twissija fil-konfront ta’ sidien ta’ ristorantanti li mis-seba’ jidher li ħadu l-id wara li mlew il-bankini bl-imwejjed u s-siġġijiet.
Dwar is-sistema ta’ valutazzjoni tal-artijiet li fil-passat ħolqot kontroversji kbar, is-Sur Mifsud assigura li din qiegħda ssir minn tliet periti b’warrant u indipendenti.
Kisba oħra li tkellem dwarha hija li s-sistema l-ġdida tal-applikazzjonijiet li jistgħu jsiru online. Huwa qal li l-pubbliku jista’ japplika online sabiex jiċċekkja jekk art hiex pubblika jew le.
Il-Kap Eżekuttiv tal-awtorita tal-artijiet Carlo Mifsud tkellem ukoll dwar s-sidien ta’ ristoranti u kafeteriji li jagħmlu użu mill-bankini bl-imwejjed u s-siġġijiet mingħajr permes u appellahom biex jaraw li għandhom kollox skont ir-regoli. Qal li l-awtorità mhux se toqgħod lura milli tieħu azzjoni fil-konfront ta’ dawk li se jibqa’ jiksru l-liġijiet.
Dwar l-eluf ta’ applikazzjonijiet li l-awtorità għandha pendenti u li jmorru lura snin, fosthom dwar trasferiment ta’ proprjetà, il-kap eżekuttiv qal li l-mira hi li jiġu pproċessati iktar mid-doppju ta’ kemm saru matul is-sena li għaddiet.
Il-Ministru għall-infrastruttura Ian Borg faħħar ix-xogħol li għamlet l-awtorità din is-sena. Tkellem dwar il-funzjoni importanti li għandha l-awtorità, dik li l-art pubblika tingħata l-valur li jistħoqqilha u jittieħdu d-deċiżjonijiet fl-interess pubblika.
Is-segretarju parlamentari għall-ippjannar u s-suq tal-propjeta Chris Agius irringrazzja lill-ħaddiema għal din is-sena ta’ ħidma. Qal li l-awtorita qiegħda tati l-aqwa servizz fil-ħin lill-pubbliku u b’mod trasparenti, waqt li esprima l-fiduċja tiegħu li fi zmien qasir l-awtorita tkun aktar effiċjenti.