Mindu daħlet fis-seħħ il-liġi ġdida li tipprojbixxi li l-klieb jinżammu maqfula b’ċinga jew katina l-ħin kollu, saru 135 spezzjoni madwar Malta u Għawdex.
Dan qalu l-Ministru għall-Ambjent Jose Herrera fi tweġiba għal interpellanza parlamentari tad-deputat Mario Galea.
Il-Ministru qal li matul is-sena li għaddiet, saru 116-il spezzjoni segwiti b’19-il spezzjoni oħra matul din is-sena. Żied li mill-ispezzjonijiet kollha li saru, 3 persuni tressqu l-Qorti mixlija li żammew kelb marbut għall-ħin twil.
Kien fil-bidu ta’ Ottubru tas-sena li għaddiet li l-Gvern daħħal regolamenti ġodda li ħarrxu l-pieni għal min iżomm kelb marbut b’ċinga jew katina b’mod permanenti.
Il-liġi tgħid ukoll li s-sidien ma jistgħux iżommu lill-klieb tagħhom fid-dlam. Dan filwaqt ukoll li jinżammu fi spazju xieraq.
Il-liġi tinkludi wkoll restrizzjonijiet dwar l-użu ta’ kullar li jikkaġuna moħqrija fuq il-klieb.
Min jinqabad jikser din il-liġi jista’ jeħel multa ta’ bejn €1,000 u €55,000 u f’każ li jerġa’ jinstab ħati jista’ jeħel bejn €5,000 u €80,000. Min jinstab ħati jista’ jiġi kkundannat ukoll piena ta’ 3 xhur ħabs.
Intant bi tweġiba għall-mistoqsija separata, il-Ministru Herrera qal li fl-aħħar 5 snin, il-Pulizija ressqu l-Qorti 50 persuna oħra mixlija b’moħqrija tal-annimali.
L-iktar sena li rat nies jitressqu l-Qorti fuq dawn l-akkużi kienet is-sena 2017 b’14-il persuna u ssegwiha, l-2018 bi 12-il persuna oħra.