Aktar minn 134 koppja pposponew iż-żwieġ tagħhom minħabba l-pandemija COVID-19.
Dawn jistgħu jerġgħu jirreġistraw id-data l-ġdida ma’ Identity Malta mingħajr ħlas. Din normalment tiswa lill-koppji bejn il-€25 u l-€100.
Dan ikkonfermah ma’ ONE News is-Segretarju Parlamentari responsabbli minn Identity Malta, Alex Muscat. Qal li l-Gvern li “dawn jistgħu isiru mill-ġdid imma bla ħlas. Rajna li niffrankaw l-ispiża lil dawn il-koppji li jridu jerġgħu jagħmlu t-tnidijiet mill-ġdid”.
Hawnhekk spjega li l-bqija tal-proċess, inkluż iż-żmien li fih il-koppja hija obbligata li tirreġistra d-data, se jibqa’ l-istess.
Muscat kompla jgħid kif “l-Att taż-żwieġ Malti jitlob li minn tliet xhur qabel sa sitt ġimgħat qabel id-data taż-żwieġ, isiru t-tnidijiet, jiġifieri toħroġ lista minn Identity Malta stess li l-koppja partikolari se tiżżewweġ fit-tali ġurnata. Dik trid terġa’ ssir bilfors għax toħroġ mill-liġi.”
Is-Segretarju Parlamentari Muscat spjega wkoll kif bħalissa koppji jew persuni b’wild ġdid qed jinqdew bis-servizz tal-posta biex japplikaw għaċ-ċertifikat tat-twelid. Iżda dan kollu se jinbidel fil-bidu tax-xahar id-dieħel. “Mill-bidu ta’ Mejju dan kollu se jibda’ jsir online. Il-koppji kollha li qed ikollhom it-tfal bħalissa jistgħu japplikaw għaċ-ċertifikat online”.
Il-koppji li jridu jirreġistraw id-data taż-żwieġ mill-ġdid jistgħu jikkuntattjaw lil Identity Malta fuq:
pubreg.marriage@gov.mt