L-Erbgħa filgħodu, fil-Jum Dinji tal-Ġnus Magħquda kontra l-vjolenza domestika bdiet il-kampanja ta’ 16-il ġurnata f’Malta sabiex titqajjem aktar kuxjenza u anke jissaħħaħ l-għarfien dwar din il-pjaga soċjali.
F’konferenza mill-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali, l-FSWS tħabbar kif is-sena l-oħra s-servizzi tal-vjolenza domestika trattaw 1,324 każ, filwaqt li din is-sena sa Ġunju kellhom aktar minn 900 każ.
Waqt diskussjoni ħareġ ukoll kif is-sitwazzjoni f’Malta għadha pjuttost inkwetanti, hekk kif l-awtoritajiet qed iwettqu għoxrin assessjar tar-riskju fil-ġimgħa filwaqt li l-Pulizija jirċievu ħames rapporti kuljum ta’ każijiet ta’ vjolenza domestika. Intqal kif sfortunatment l-intensità u l-gravità tal-każijiet hija wkoll waħda għolja.
Fl-indirizz tagħha, mart il-Prim Ministru Lydia Abela qalet kif il-maġġoranza tal-femiċidji kienu mwettqa mis-sieħeb jew maħbub tagħhom.
Hija qalet: “Sfortunatement qegħdin naraw li illi tmiena u tletin fil-mija tan-nisa maqtula huma maqtula mis-sieħeb u maħbub tagħhom u allura għalkemm konxji li n-nisa qed javvanzaw u jersqu ‘l quddiem u jiksbu d-drittijiet tagħhom però xorta waħda dawn id-drittijiet qegħdin imtappna bil-fatt illi qegħdin naraw xorta każijiet ta’ vjolenza domestika.”
Fil-preżenza ta’ membri mill-Korp tal-Pulizija, ġie nnutat kif iċ-ċentru il-ġdid li nfetaħ fi ħdan il-Korp, serva ta’ għajnuna enormi biex tiġi indirizzata l-problema tal-vjolenza domestika.
Il-Kummissarju għall-Vjolenza Domestika Audrey Friggieri qalet x’realtà ġdida qed jgħixu magħha l-vittmi tal-vjolenza domestika f’dan iż-żmien.
Hija stqarret: “Waqt il-pandemija, filwaqt li aħna qed niġu mħeġġa nżommu d-distanza soċjali biex nipproteġu lilna nfusna f’familji fejn hemm il-problema tal-vjolenza domestika din il-ħaġa tista’ sservi biex issirilhom ħsara mod ieħor. Jipproteġu ruħhom mill-virus iżda deħlin f’sitwazzjonijiet perikolużi għax iridu jgħixu taħt l-istess saqaf ma’ dik il-persuna li qed tabbużahom.”
Tħabbar ukoll li 16-il adolexxent li kienu huma li wettqu l-vjolenza domestika, ġew mgħejjuna mill-entitajiet.
It-tfal ukoll huma vittmi siekta f’każijiet ta’ vjolenza domestika u għalhekk isaħħet il-ħidma sabiex dawn jiġu mgħejjuna
Għal din il-konferenza kien hemm preżenti wkoll il-Ministri Michael Falzon, Byron Camilleri, Edward Zammit Lewis u s-Segretarju Parlamentari Rosianne Cutajar.