132 tabib ġdid ingħaqdu mas-servizz tas-saħħa, wara li temmew b’suċċess l-istudji tagħhom.
Il-maġġoranza assoluta ta’ dawn it-tobba, jiġifieri mija u disgħa minnhom, iggradwaw mill-Università ta’ Malta u magħhom ingħaqdu tobba li gradwaw minn universitajiet Ewropej oħra. B’hekk issa dawn it-tobba ssieħbu fil-Malta Foundation Programme, li hija l-ewwel fażi tal-karriera tat-tobba f’Malta.
Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne ltaqa’ ma’ wħud minn dawn it-tobba. Filwaqt li ferħilhom għall-isforzi akkademiċi tagħhom huwa awguralhom vjaġġ ta’ taħriġ b’saħħtu.
Huwa assigurahom li minkejja li dan il-vjaġġ huwa wieħed twil, huwa wieħed li jħalli sodisfazzjon kbir meta fl-aħħar mill-aħħar jaraw pazjenti jfiequ bil-kura li joffru.
Il-Ministru Fearne fakkarhom li l-professjonisti tas-saħħa huma s-sinsla tas-servizz eċċellenti li jingħata f’pajjiżna u ħeġġiġhom sabiex jistinkaw u jżommu l-ogħla livelli ta’ kwalità ta’ servizz lill-pazjenti.