Wara li fl-aħħar jiem l-Oppożizzjoni Nazzjonalista ħarġet il-barra mill-Parlament waqt li kienu preżentati l-estimi tal-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, il-Kap tal-Oppożizzjoni m’eskludix li jerġa’ jagħmel l-istess.
Mistoqsi mill-ġurnalisti jekk jeskludix li fil-ġejjieni jerġa’ jagħmel bojkott ieħor Simon Busuttil qal li wieħed jaġixxi skont iċ-ċirkostanzi. Fl-aħħar jiem Simon Busuttil u d-deputat nazzjonalisti ma ħarġu mill-parlament għax ma riedux li Konrad Mizzi jressaq l-estimi minflok il-Prim Ministru. Dan f’aġir li ġab kundanna, mhux l-inqas mill-gvern.
Il-gvern qal li għax l-Oppożizzjoni ma għandix x’toffri fuq dan il-qasam, għażlet li tieħu ċans ittellef id-dibattitu sempliċiment għax il-Prim Ministru jinsab imsiefer fuq xogħol tal-Gvern kemm bħala Prim Ministru u anke minħabba l-Presidenza tal-Unjoni Ewropea f’laqgħa ma’ tliet Prim Ministri Ewropej f’jum wieħed biss.
Il-gvern kien qal li r-riżultati u proġetti tal-Gvern li l-Oppożizzjoni trid ittellef huma dawn:
• Proġett ta’ landscaping madwar iż-żona tal-impjant għat-tisfija tad-drenaġġ f’Ta’ Barkat b’valur ta’ €2 miljun. Dan il-proġett kellu jsir meta kien tlesta dan il-proġett fi żmien l-amministrazzjoni preċedenti iżda li qatt ma sar.
• Pożizzjoni finanzjarja sostenibbli tal-Korporazzjoni fejn għamlet profitt ta’ ’l fuq minn €6 miljun.
• Ftehim kollettiv ġdid għall-ħaddiema li kien skada fi żmien l-amministrazzjoni preċedenti u qatt ma kien imġedded. Żieda wkoll lill-ħaddiema b’lura li kienet intitolata lilhom.
• Il-Proġett ta’ New Water se jkun lest aktar tard din is-sena. Dan il-proġett se jfisser ilma li qabel kien jintrema l-baħar issa se jkun jista’ jintuża mill-agrikoltura u l-industrija.
•Tnaqqis fid-dejn tal-korporazzjoni ta’ ’l fuq minn €22 miljun fl-aħħar tliet snin.
“Waqt li l-Oppożizzjoni tkompli ttellef, il-Gvern se jkompli jaħdem bl-istess enerġija biex tkompli tikseb ir-riżultati f’kull qasam,” kien qal il-gvern.