Fl-aħħar ħames snin saru 131 talba lill-amministrazzjoni tal-Qrati tal-Ġustizzja sabiex jitneħħew sentenzi onlajn minn fuq is-sit elettroniku tal-Qorti. Fil-fatt 86 talba ġew milqugħhu, 41 miċħuda, waħda kienet invailda filwaqt li fadal tliet talbiet pendenti.
Żvela dan id-Direttur Ġenerali tal-Qorti Frank Mercieca li qal li din is-sena waslilhom l-akbar ammont ta’ 109 talbiet.
Dawn it-talbiet saru wara minn persuni li nstabu ħatja mill-Qorti u talbu li titneħħa s-sentenza li ngħatatilom għal diversi raġunijiet.
Is-Sur Mercieca spjega li sentenza titneħħa skont mekkaniżmu tal-qorti u jekk it-talba ma tintlaqax, il-persuna tista’ tmur quddiem il-Kummissarju għal-Protezzjoni tad-Data.
F’intervista li xxandret waqt il-programm Aġenda fuq ONE, il-Kummissarju Saviour Cachia spjega każ partikolari ta’ persuna li applika biex titneħħa s-sentenza:
“Kien hemm wieħed se jibda jaħdem u għax darba meta kien żgħir kien instab ħati ta’ offiża żgħira u llum il-ġurnata 10 snin wara ma impjegawhx għax sabu ismu permezz tas-sentenzi online”.
Is-Sur Frank Mercieca jispjega li meta ddaħħlet is-sistema onlajn ma kienx hemm l-Att dwar il-Protezzjoni tad-Data: “Immaġina tinqata’ sentenza u wieħed ma kellux ċans jitla’ l-Qorti jew irid kopja tas-sentenza. Is-servizz li konna nagħtu li wieħed jaqbad u jniżżilha jekk tittieħed din id-deċiżjoni tispiċċa”.
Il-Kummissarju tad-Dejta qal li jaqbel li ċertu sentenzi jiġu ppubblikati għax huwa fl-interess pubbliku li persuna tkun taf x’iddeċidiet il-Qorti, iżda jgħid li wieħed għandu jkun skjett fl-informazzjoni li tiġi ppubblikata:
“Illum il-ġurnata fuq l-internet jibqgħu dawk it-traċċi ta’ ismijiet u dettalji, allura wieħed irid joqgħod attent ta’ x’se jpoġġi, eżempju skont il-każ u l-ammont ta’ interess pubbliku u għandek tippubblika l-ismijiet tax-xhieda”.
Filfatt huwa jgħid li wieħed ma għandux ineħħi s-sentenza kompletament:
“Ma nneħħux is-sentenza iżda r-referenzi għall-ismijiet, jiġifieri jekk għandek din is-sentenza u se tfittex bl-isem, mhux se tkun tista’ tidentifikah”.
Min-naħa tiegħu, is-Sur Mercieca qal li f’ċertu każijiet ta’ portata u ta’ interess nazzjonali, jew fejn is-sentenzi jistgħu jservu ta’ gwida, m’għandhomx jitneħħew.
Huwa serraħ ras il-pubbliku li l-Qorti m’għandna l-ebda ftehim ma’ xi search engine u s-sentenzi jkunu biss fuq is-sit tagħha.