Il-każ fejn intalbu jittieħdu passi b’rabta ma’ numru kbir ta’ direct orders kontra l-liġi mill-Kunsill Lokali tan-Nadur idur kollu kemm hu ma’ membri tal-istess familja.
Il-Bord tal-Gvernanza Lokali talab li jittieħdu passi kontra l-eks Sindku Charles Said u l-eks Segretarju Eżekuttiv tal-Kunsill Lokali, Rita Mifsud Attard.
Rita Mifsud Attard m’hija ħadd ħlief oħt il-mara tax-Shadow Minister Chris Said, li mbagħad is-Sindku kien ħuħ.
F’dan iż-żmien, Charles Said, li jiġi ħu Chris Said, ta ammont konsiderevoli ta’ direct orders kontra l-liġi, tant li l-bord ta’ Gvernanza tal-Kunsilli Lokali ordna li jittieħdu proċeduri xierqa.
Id-direct orders li ngħataw minn Said u oħt il-mara tal-eks Ministru qabżu sew il-limitu permess mil-liġi.
Tant li f’Jannar li għadda l-Bord irċieva talba mingħand il-Monitoring Unit fi ħdan id-Dipartiment għall-Gvern Lokali biex jinvestiga numru ta’ pagamenti li kienu ġew effettwati mill-Kunsill Lokali tan-Nadur bejn is-snin 2012 u 2014. Kien hemm total ta’ 20 pagament li nstabu li saru b’direct order, b’total li jammonta għal €37,495.49. Dan l-ammont sostanzjali kien jinvolvi Kunsill wieħed biss.
Mhix sorpriża li Rita Mifsud Attard sostniet li dejjem kisbet l-approvazzjoni. Qalet ukoll li riedet taħdem mas-Sindku u li ma setgħetx tmur kontra r-rieda tiegħu.
Fil-każi li analizza l-bord, il-ksur ta’ liġi minn dik li tidher li kienet konfoffa bejn tal-familja, deher ċar. Il-bord talab lid-Dipartiment tal-Gvern Lokali biex ikun iktar viġilanti.