Aktar minn 130,000 passiġġier qabdu mas-sistema tal-WiFi li beda jiġi offrut fuq il-karozzi tal-linja kollha matul Diċembru. Il-kumpanija Malta Public Transport bdiet dan is-servizz is-sena li għaddiet b’kollaborazzjoni ma’ Transport Malta, u wara perjodu ta’ prova, issa Tallinja WiFi jinsab fuq il-karozzi tal-linja kollha.
F’Diċembru biss, saru aktar minn 3,500,000 konnessjoni mas-sistema, b’total ta’ 15.50 terabytes ta’ data. Mingħajr ebda sorpriża, l-aktar app użat kien Facebook – li ammonta għal 70 fil-mija tal-informazzjoni ttrasferita.
Id-Direttur Kummerċjali ta’ Malta Public Transport Daniel Grech spjega li dan kien l-ewwel xahar sħiħ li fih il-Free Tallinja WiFi kien disponibbli fuq il-flotta kollħa.
“I-riżultati huma inkoraġġanti, u qed nistennew li aktar passiġġieri jkomplu jużaw dan is-servizz b’xejn matul ix-xhur li ġejjin. Qal li din hija parti mill-istrateġija tal-kumpanija biex ikomplu jtejbu s-servizz għall-passiġġiera.”