Mija u tletin uffiċjal tal-Aġenzija għas-Servizzi Korrettivi ingħalqu wara l-kanċell tal-ħabs u se jgħixu mal-priġunieri għall-ġimgħa.
Fis-sitta ta’ filgħodu sbaħna quddiem il-ħabs, hemmhekk sibna l-uffiċjali lesti bil-bagalja magħhom għal ġimgħa xogħol.
Bħala mezz ta’ prekawzjoni u biex jiġi evitat li l-Coronavirus Jidħol fil-ħabs, it-tmexxija tal-ħabs qasmet lill-gwardjani f’żewġ xiftijiet. B’xift minnhom beda bil-ħidma tiegħu l-Erbgħa kmieni filgħodu.
Qabel daħlu fil-bini tal-ħabs itteħditilhom it-temperatura ta’ ġisimhom u anki tnaddfu ż-żraben.
Tkellimna mal-Logutenent Maria Vassallo u l-Logutenent Carmelo Bonnici, tnejn mill-uffiċjali li telqu lil familthom f’dan iż-żmien diffiċli għall-qadi ta’ dmirijithom.
“Iebsa ħallejna l-familja warajna imma l-pajjiż għandu bżonna.” Starret il-Logutent Vassallo filwaqt li l-Logutent Bonnici qal, “Illum tlaqna l-familja. Nixtieq ngħid lin-nies aħna ġejna hawnhekk u issa intom oqgħodu d-dar.”
Ingħalqu fil-ħabs ukoll ħaddiema li jagħmlu xogħol klerikali u professjonisti bħal tobba, infermiera u psikologi.
Fil-ħabs se jitħallew jidħlu biss dawk li jipprovdu l-ikel u l-mediċina.
Randolph Spiteri, Kap tal-amministrazzjoni u l-operat fil-ħabs spjega kif se tkun il-ħajja fil-ħabs għal dawn il-ħaddiema.
“Il-preparament xiri ta’ ikel għal ħaddiema u priġunieri. Għamilna sodod għal ħaddiema biex naraw li ħadd ma jonqsu xejn.” Qal Spiteri.
Id-Direttur tal-ħabs il-Kurunell Alexander Dalli saħaq fuq il-ħarsien tas-saħħa ta’ tmien mitt priġunier.
Il-Kurunell Dalli stqarr, “Ħassejna li issa huwa l-waqt li nidħlu hawn ġew u ninqasmu f’zewġ gruppi. Għandi nofs in-nies hanw gew u nofs l-iehor d-dar b’ordni li ma joħorġux.”
Saħaq li anki hu bħala direttur tal-faċilità korrettiva ta’ Kordin jeħtieġ li jkun mal-gwardjani.
“Jien m’għandi xejn speċjali. Jien hawnhekk se nkun mill-bidu sal-aħħar.” Saħaq il-Kurunell Dalli.