Tlettax-il sena ilu, il-pjan kien li l-post fejn l-Erbgħa ġie inawgurat il-Park tal-Familja f’Bengħisa jispiċċa maħżen tal-kontejners. Minflok, llum dan tbiddel fi spazju msaġġar għar-rikreazzjoni tal-familji.
Għamel din ir-riflessjoni s-Sindku ta’ Birżebbuġa, Scott Camilleri, b’reazzjoni għall-ftuħ ta’ spazju miftuħ ta’ 17,000 metru kwadru f’din il-lokalità.
“Bla dubju dan huwa l-ewwel park tax-xorta tiegħu f’Birżebbuġa; park li se joffri buffer zone mill-industrija għal ma’ dik tar-residenti. Jiġifieri, permezz ta’ dan il-park qed noffru soluzzjoni aktar ta’ arja nadifa u park ta’ rikreazzjoni għall-familji Birżebbuġin u dawk li jiġu mill-madwar. Apparti minn hekk, illum ninsab ftit emozzjonat u determinat li nkomplu bl-istess ħidma li għamlu l-kunsilli ta’ qabilna. Tlettax-il sena ilu dan il-post fejn qegħdin illum kien se jintuża, kien hemm applikazzjoni, bħala container storage unit fil-Port Ħieles.”
F’din l-ewwel fażi, dan il-proġett qed joffri spazju għall-pikniks għall-familji, fejn jistgħu iqattgħu ħin ta’ kwalit flimkien qalb 4,000 siġra.
Dawn is-siġar tħawlu minn diversi entitajiet, fosthom l-Infrastructure Malta u l-Ambjent Malta. 1,800 siġra tħawlu bħala parti minn inizjattiva ma’ Puttinu Cares li biha għal kull donazzjoni ta’ €300 jew aktar mill-pubbliku għal Puttinu, tħawlu siġra jew arbuxell.
Dan il-park huwa miftuħ għall-familja kollha u huwa aċċessibbli għal kulħadd, tant li l-bankijiet tal-pikniks huma adattati biex anki persuni li jagħmlu użu minn siġġu tar-roti jkollhom spazju mal-mejda.
Minn dan il-proġett se tgawdi wkoll il-komunità. Fil-fatt, ġie ffirmat ftehim mal-Malta Girl Guides sabiex jagħmlu użu minn dan il-park għall-attivitajiet tagħhom.
Is-Sindku ta’ Birżebbuġa fakkar li dan il-proġett jingħaqad ma’ oħrajn favur il-komunità ta’ Birżebbuġa.
“Ovvjament, il-qalba tal-komunità trid tkompli titħares – li qed ngħidulhom green. Ftit tax-xhur ilu għalaq ukoll l-impjant tal-31 ta’ Marzu f’Birżebbuġa: impjant tal-ħażna tal-fjuwil f’nofs il-lokalità u dan tneħħa biex issa qiegħed fil-periferija tal-lokalità, lejn in-naħa ta’ Ħas-Saptan.”