Ir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma, irċieva 13-il proposta għall-iżvilupp potenzjali ta’ floating solar farms fl-ibħra territorjali Maltin.
Is-sottomissjonijiet saru bħala parti mill-konsultazzjoni preliminari biex jiġi evalwat is-suq għall-pannelli fotovoltajċi f’wiċċ il-baħar.
Din il-konsultazzjoni preliminari tidentifika żona ta’ erba’ mili nawtiċi ’l bogħod mill-kosta ta’ Delimara bħala l-ewwel post fejn possibbilment jista’ jkun hemm żvilupp ta’ proġetti ta’ teknoloġija solari konnessi mal-ġrid, b’kapaċità ta’ 50 megawatt t’enerġija rinnovabbli.
Il-Kap Eżekuttiv tar-REWS, Ing. Marjohn Abela, spjega li r-Regolatur issa se jirrevedi s-sottomissjonijiet li waslu sabiex jiġu evelwati is-sottomessi u skont ir-riżultat ta’ din l-evalwazzjoni, ir-Regolatur jista’ jitlob aktar kjarifiki mingħand il-proponenti.
Il-Ministru għall-Enerġija Miriam Dalli sostniet li l-interess qawwi mill-investituri jirrifletti l-kredibbiltà li Malta qed tibdni fis-settur tal-enerġija, inkluża l-enerġija rinnovabbli.