Il-Mosta se tara 13-il proġett ta’ tisbiħ f’żoni urbani b’investiment ta’ aktar minn miljun ewro mill-Fond għall-Iżvilupp tal-Ippjanar.
Dawn jinkludu t-tisbiħ u l-pavimentar ta’ toroq dojoq f’żoni differenti tal-lokalità, fosthom Triq Charles J Vassallo, Sqaq Xorxa, Triq Dun Mikiel Xerri, u Triq San Anton Abbati u anke l-installazzjoni ta’ gym fuq barra.
Is-Sindku tal-Mosta Romilda Zarb spjegat li parti minn dan il-proġett hemm il-kunċett tradizzjonali.
Qalet kif, “Se ikollna ċ-ċans li naraw ukoll l-installazzjoni ta’ fanali tradizzjonali matul it-toroq kollha u b’hekk ngħaqqdu t-toroq minn fejn tgħaddi l-purċissjoni tal-ġimgħa l-kbira.”
Sa minn Jannar tal-2017, l-awtorità ffirmat mija u disgħa u għoxrin kuntratt mal-kunsilli lokali u għaqdiet mhux governattivi li jkopru total ta’ aktar minn tnax-il miljun u seba’ mitt elf ewro.
Min-naħa tiegħu l-Ministru għall-Ambjnet Aaron Farrugia spjega li saru diversi investimenti permezz ta’ dan il-fond biex itejbu l-kwalità tal-ħajja tal-Maltin u biex joħolqu ambjent aktar sostenibbli.
Spjega, “Qed inkomplu nimxu fid-direzzjoni ambjentali li ħadna u qed naraw li l-Kunsill Lokali sal-lum ħa 13-il proġett mid-DPF illi jmissu mal-miljun ewro.”