Aktar minn 20 xmara għerqu fl-Italja, bil-konsegwenza li 13-il persuna tilfu ħajjithom u aktar minn 13,000 ruħ kienu kostretti jħallu djarhom wara li f’ġurnata u nofs, niżlet xita daqskemm is-soltu tinżel f’sitt xhur.
Aktar iġsma bla ħajja nstabu lbieraħ filgħaxija, wara li għerqet kważi kull xmara li hemm bejn Bologna u l-kosta mal-grigal tal-pajjiż; mas-sebgħin mil bogħod.
Seħħew ukoll madwar mitejn u tmenin valanga.
Is-sindku ta’ Ravenna, waħda mill-ibliet l-iktar milquta mill-għargħar, iddeskriva dan l-episodju bħala l-agħar diżastru f’seklu, u qal li l-ħsarat ikkawżati mill-għargħar huma katastrofiċi.