‘M’Iniex Numru’ kienet it-tema tal-lejla tal-gradwazzjoni tal-Caritas u li rriflettiet il-mixja ta’ tlettax-il persuna, li issa huma ħielsa mid-droga wara li temmew b’success programm ta’ rijabilitazzjoni. Wara vjaġġ ta’ sentejn ta’ rkupru issa lesti biex jgħaddu mill-università tal-ħajja.
Matul is-sena l-oħra, il-Caritas rat l-ogħla numru ta’ klijenti, b’kollox 765, li resqu għall-għajnuna minħabba sustanzi.
Mis-765 klijent, 233 missew ma’ wħud mid-djar residenzjali filwaqt li 491 persuna li jiġu mill-qrib minn xi ħadd b’dipendenza fuq id-droga talbu l-għajnuna lil Caritas.
Id-Direttur tal-Caritas Malta, Anthony Gatt, ta rendikont tal-ħidma u l-iżviluppi fil-qasam tas-servizzi ta’ riabilitazzjoni. Huwa saħansitra identifika l-isfidi fil-qasam tal-prevenzjoni u l-użu tad-droga. Gatt sostna li l-gradwati issa se jkunu qed imissu mar-realtajiet tal-ħajja. Ħeġġighom biex l-esperjenza tal-gradwazzjoni sservihom biex ikomplu jagħrfu l-valur tagħhom bħala individwi fis-soċjetà, għax ħadd minnhom ma huwa numru.
Gatt semma wkoll il-ħidma tal-Caritas fuq żewġ proġetti ġodda. Wieħed mill-proġetti, li qed isir b’kollaborazzjoni mal-Awtorità tad-Djar, huwa ta’ supported housing għal nisa bi tfal u adolexxenti li jkunu temmew b’suċċess programm ta’ riabilitazzjoni. B’hekk, dawn ikollhom saqaf temporanju fuq rashom sabiex ikollhom ħajja independenti. Il-proġett l-ieħor jittratta t-tqassim ta’ prodotti ta’ ikel għal nies vulnerabbli.
Anthony Gatt tkellem ma’ ONE News dwar x’emozzjonijiet iħoss meta jara s-suċċess ta’ kull min ilesti l-programm u jkun lest biex jibni ħajtu mill-ġdid.
Qal, “Dan huwa mument ta’ kuntentizza kbira. Wara dan il-mument ikun hemm ħafna xogħol kbir. Ħafna minnhom ikun proċess ta’ sentejn biex waslu fejn waslu. Wieħed iħares lejn it-tbatijiet li jkunu għaddew minnhom, it-tbatija tal-familja tagħhom, l-inkwiet, ħafna minnhom kienu f’ċirkustanzi li anki kważi tilfu ħajjithom minħabba xi overdose, minħabba xi kriżi kbira. Imma fl-istess ħin nirringrazzjaw lil Alla li għadhom ħajjin u qegħdin jagħtu lura lis-soċjetà, fil-familji tagħhom, fuq ix-xogħol. Ħafna minnhom huma nies ta’ talent ukoll, bħalna lkoll, bl-isfidi tagħhom, imma ferħ kbir.”
Fost il-persuni distinti, li attendew għaċ-ċerimonja, li kienet ippreseduta mill-President ta’ Malta, George Vella, kien hemm Monsinjur Victor Grech, li serva bħala Direttur tal-Caritas Malta għal 37 sena bejn l-1977 u l-2014. Barra dan, huwa kien il-moħħ wara l-ewwel Komunità Terapewtika għal dawk li jabbużaw mid-droga f’Malta fl-1985, fost oħrajn.
L-Isqof Awżiljarju Mons. Joseph Galea Curmi għamel riflessjoni tal-okkażjoni għal dawk li gradwaw u għall-familji tagħhom, kif ukoll għall-istaff u l-voluntiera fi ħdan il-Caritas.