Fl-aħħar jum feġġew 13-il każ ġdid ta’ Coronavirus. Ikkonfermat dan is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika l-Professur Charmaine Gauci hekk kif spjegat li b’hekk sa’ issa f’Malta kellna 350 każ ta’ Coronavirus.
Dawn it-13-il każ feġġew wara li fl-aħħar jum saru 900 swab test.
Fost dawn hemm Maltija ta’ 88 sena residenti f’San Vinċenz de Paul li għandha kundizzjonijiet mediċi oħra. Din kienet qed tinżamm fil-ward St. Francis u bdiet bl-uġigħ fil-griżmejn. Hija qed tinżamm iżolata.
Il-Professur Charmaine Gauci spjegat: “Ħdimna mill-ewwel kif ġie kkonfermat dan il-każ biex aħna nkunu nistgħu niżolaw kemm din il-pazjenta imma anke npoġġu f’kwarantina lill-pazjenti l-oħra li kienu f’kuntatt magħha u anke għadha għaddejja ħidma intensiva wkoll fl-SVPR fejn aħna naraw min kienu dawk l-impjegati li setgħu kellhom kuntatt mal-persuna u anke dawn jiġu mpoġġijin fi kwarantina u anke jsiru t-testijiet kollha li huma meħtieġa.”
Każ ieħor kien ta’ mara anzjana ta’ 83 sena li kienet fl-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex. Din għandha kundizzjonijiet mediċi oħra iżda tinstab fi stat ta’ saħħa tajba.
Fl-istess sptar irriżultaw żewġ każijiet oħra ta’ Coronavirus li jinvolvu ħaddiema. Dawn huma raġel ta’ 60 sena u mara ta’ 57 sena.
Irriżultaw 2 każijiet oħra fl-isptar Zammit Clapp. Dawn huma ta’ raġel ta’ 53 sena li jaħdem bħala voluntier u carer u kif ukoll carer mara ta’ 51 sena.
Każ ieħor kien ta’ mara ta’ 88 sena li daħlet l-isptar Mater Dei minħabba qtugħ ta nifs. Il-Professur Gauci kkonfermat li din il-mara għandha l-kundizzjoni tal-Pulmonite u qed tinżamm fit-Taqsima tal-Mard Infettiv.
Raġel ta’ 26 sena li jaħdem fl-isptar Karen Grech ukoll ittestja fil-pożittiv, u minn investigazzjoni li saret kollox jindika li r-raġel ma’ kellux kuntatt ma’ pazjenti oħra.
Każ ieħor huwa ta’ tifel Sirjan ta’ 8 snin li jgħix Malta. Huwa kien iddaħħal l-isptar għal testijiet relatati ma’ kundizzjonijiet oħra madankolu ttestja fil-pożittiv għall-virus meta sarlu test ta’ qabel operazzjoni.
Ħaddiema tas-saħħa ta’ 29 sena wkoll ittestjat fil-pożittiv. Din bdiet bis-sintomi fid-9 ta’ April hekk kif kellha griżmejha juġawha. Hija kienet diġà taħt kwarantina wara li kienet f’kuntatt ma’ pazjent ieħor li ttestja fil-pożittiv għal dan il-virus.
L-aħħar 3 każijiet huma ta’ Maltija 66 sena, mara ta’ 43 sena li ma’ wriet l-ebda sintomi u Malti ta’ 39 sena li beda bis-sintomi fid-9 ta’ April.
Il-Professur Gauci temmet tappella biex kulħadd jibqa’ jobdi d-direttivi mill-Awtoritajiet kollha.
Is-Supretendent tas-Saħħa Pubblika sostniet:”Huwa importanti ħafna li aħna noqogħdu ġewwa ħalli aħna nkunu nistgħu nnaqqsu l-kuntatt ma’ nies oħrajn li jistgħu jkunu qed iġorru dan il-virus għaliex dan huwa l-aħjar meżż li aħna nistgħu nżommu n-numru ta’ każijiet li qed ikollna ta’ kuljum u nerġa’ nfakkarhom biex nipproteġu lill-anzjani tagħna u nies li għandhom mard kroniku għaliex dawn huma vulnerabbli.”
https://www.one.com.mt/2020/04/10/residenta-fsan-vincenz-de-paul-tirrizulta-fil-pozittiv-ghall-coronavirus/