Fit-tmiem il-ġimgħa li għadda 13-il bdot tal-linja Nazzjonali Air Malta rrappurtaw li kienu ma jifilħux u ma marrux għax-xogħol. Dan bil-konsegwenza li ħalla effett fuq numru ta’ titjiriet.
Dan intqal fi stqarrija tal-Air Malta, li wriet id-dispjaċir tagħha għall-imġiba ta’ ċertu bdoti u qalet li għemilhom huwa inaċċettabbli.
L-Air Malta għamlet referenza wkoll għal dak li ġie rrappurtat fil-ġurnal MaltaToday, fejn allegatament wieħed mill-bdoti ttardja titjira tal-Air Malta għax mar jixtri l-fjuri minn ħanut f’ajruport.
Dan bil-konsegwenza li mijiet ta’ passiġġieri tal-linja tal-ajru l-Air Malta kellhom jistennew ħin twil fl-ajruport wara li bdot ma mexiex ma’ struzzjonijiet li ngħata biex jiġi lura Malta u jgħabbi grupp ta’ passiġġieri lejn Palermo, għax mar jixtri l-fjuri minn ħanut f’ajruport f’Amsterdam.
Fi stqarrija separata l-unjin tal-bdoti l-ALPA ċaħdet dan il-każ u qalet li l-ħtija tad-dewmien fit-titjira huwa tort tat-tmexxija tal-linja tal-ajru.
B’reazzjoni, l-Air Malta qalet li jiddispjaċiha ħafna għall-mod kif ċertu bdoti qed iġibu ruħhom, anke jekk saħqet li hemm ħafna bdoti li jirrispettaw lil-linja nazzjonali tal-ajru.
Saħqet kif minħabba kwistjonijiet bħal dawn, ħafna mill-ħin tat-tmexxija qiegħed jispiċċa jkun iffukat biss biex jiġu solvuti dawn il-kwisjtonijiet industrajli.
L-Air Malta fakkret li min-naħa tagħha u sa fejn taf hi, laħqet qbil mal-ALPA fuq il-kwistjonijiet kollha pendenti.
Fil-fatt l-Air Malta aċċettat u għadha qed tistenna li tiffirma l-ftehim propost li ntbagħat lill-ALPA fid-29 ta’ Ġunju li għadda.
L-Air Malta qalet li r-realtà hija li l-ALPA għadha qed tinsisti għall-garanzija mill-Gvern ta’ €700,000 bħala parti minn skema ta’ rtirar kmieni għal kull bdot anke jekk il-kumpanija tfalli.