Mill-elfejn u dsatax, mija sitta u għoxrin persuna saru sidien ta’ darhom permezz tal-iskema tal-Equity Sharing.
Din l-iskema daħlet fis-seħħ, tliet snin ilu, u tkopri sa nofs l-ammont tas-self mingħand il-bank biex dawn il-persuni jkunu jistgħu jsiru sidien ta’ darhom.
Dawn ir-riżultati ġew ippubblikati fuq il-gazzetta KullĦadd, fejn ħareġ kif minnhom wieħed u tletin kienu ġenituri separati miż-żwieġ.
Minn dawn, sitta u għoxrin kienu nisa, bl-etajiet tagħhom ivarjaw bejn it-tnejn u erbgħin u s-sebgħa u ħamsin sena.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar Leonid McKay mal-gazzetta KullĦadd qal kif dan qed isseħħ minkejja li ż-żmien mhuwiex faċli biex il-banek kummerċjali jagħtu self li jlaħħaq mal-prezzijiet medja fis-suq tal-propjetà. Dan minħabba l-perjodu qasir li jkollha persuna biex tħallas lura dan is-self meta mqabbel ma’ xerrejja aktar iżgħar fl-età.
McKay tenna li dawn l-istejjer ta’ suċċess jindikaw li meta l-Istat jidħol fi sħab mal-privat, jistgħu jinstabu soluzzjonijiet sostenibbli għal ċertu realtajiet li s-suq ma jkunx qed jindirizza, b’mod partikolari dawk ta’ nisa li sal-lum ma setgħux isiru sidien ta’ darhom.
Minkejja dan, illum dawn huma l-maġġoranza tal-benefiċċjarji ta’ din l-iskema.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar qal kif l-awtoritajiet ma setgħux jieħdu riskju li jħallu lil dan il-grupp fis-soċjetà tal-popolazzjoni jaqbad it-triq lejn l-esklużjoni soċjali f’mument diffiċli.
Mal-KullĦadd, Leonid McKay kompla jgħid kif il-ħidma tal-Gvern fis-settur tal-akkomodazzjoni ma waqfitx mal-introduzzjoni ta’ skemi bħal dawn, iżda indirizzat ukoll sfidi li tħallew fuq l-ixkaffa għal snin twal.
Hawnhekk semma r-riforma fis-suq tal-kera, li qed toffri saqaf diċenti lil bosta persuni. Dan hekk kif dan is-settur joffri alternattiva vijabbli għal diversi persuni u huwa suq aktar regolat.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tad-Djar fakkar kif l-iskema tal-Equity Sharing ġiet estiża għal dawk li għandhom aktar minn tletin sena, b’din se tgħin individwi koppji ta’ età iżgħar biex jaċċessaw is-suq tal-propjetà billi tippermettilhom li jakkwistaw propjetà fi sħab mal-Gvern.