Fl-ewwel kwart ta’ din is-sena, jiġifieri bejn Jannar u Marzu 1,181,389 persuna qasmu l-fliegu bejn l-Imġarr u ċ-Ċirkewwa.
Jixhdu dan ċifri mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika l-NSO hekk kif b’hekk ġiet innutata żieda ta’ 22.8% fuq l-2022.
Fil-fatt, l-akbar numru ta’ passiġġiera li qasmu bejn l-Imġarr u ċ-Ċirkewwa kienu fix-xahar ta’ Marzu. Tul dan ix-xahar qasmu 447,873 persuna jew 37.9% tat-total kollu tul l-ewwel kwart tas-sena.
Bejn l-Imġarr u ċ-Ċirkewwa kien hemm żieda wkoll fin-numru ta’ vetturi li qasmu l-fliegu. Din iż-żieda ammontat għal 8.2%
In-numru ta’ vjaġġi li saru fl-ewwel kwart tas-sena bejn l-Imġarr u ċ-Ċirkewwa ammonta għal 7,888. Żieda minimina fuq is-sena ta’ qabel ta’ 0.1%
Mill-ġdid, ix-xahar ta’ Marzu kien l-aktar xahar li fih seħħu traġitti b’3,017 jew 38.2% tat-traġitti kollha fl-ewwel kwart.
Bejn Jannar u Marzu, l-iktar jiem beżlin mill-port taċ-Ċirkewwa kienu l-Ġimgħa u s-Sibt. Dan filwaqt li l-aktar jiem beżlin mill-istess port, għall-vetturi kienu l-jiem tal-Ġimgħa u l-Ħamis. Min-naħa l-oħra, mill-port tal-Imġarr, l-aktar jiem beżlin b’rabta mal-passiġġieri u l-vetturi kienu l-Ħdud u nhar ta’ Tnejn.
Intant, l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika nnota li b’kollox bejn Malta u Għawdex qasmu l-fliegu 1,254,008 Dan filwaqt li b’kollox saru tmient elef seba’ mija tnejn u erbgħin traġitt. Fil-fatt, Marzu kien l-aktar xahar li fih saru vjaġġi bi 3,497. Dan ammonta għal 40% tal-vjaġġi kollha li saru fl-ewwel kwart tas-sena.
L-NSO nnota wkoll il-vjaġġi li saru bejn il-port tal-Imġarr u l-Belt Valletta. B’kollox fl-ewwel kwart tas-sena saru 854 vjaġġ li b’kollox ġarrew 72,619.
Meta mqabbel mal-istess perjodu s-sena ta’ qabel in-numru ta’ passiġġieri li għamlu dan it-traġitt żdiedu bi 8%. F’Marzu saru l-akbar ammont ta’ vjaġġi minn dan it-traġitt b’480. B’kollox dan ammonta għal 56.2%. tal-vjaġġi kollha fl-ewwel kwart tas-sena.
Marzu ra wkoll l-akbar ammont ta’ passiġġieri li qasmu l-fliegu b’dan it-traġitt b’aktar minn sitta u tletin elf u ħames mitt passiġġier.