125 ruħ foshtom nies fl-Armata u oħrajn li temmew is-servizz ġew rikonoxxuti għax-xogħol u l-ħidma li taw lill-poplu Malti u Għawdxi.
F’ċerimonja tal-okkażjoni, 44 membru tal-Armata ngħataw midalja għal servizz twil u effiċjenti li tingħatha mat-18-il sena servizz, filwaqt li 81-il membru u eks-membru ngħataw rikonoxximent ieħor li jingħata mal-25 sena servizz.
Fid-diskors tiegħu l-Ministru Michael Farrugia qal li mhux faċli li tkun membru ta’ korp iddixxiplinat u tqatta’ snin sħaħ b’imġiba tajba, tkun ubbidjenti, u tasal sal-ġurnata li tieħu mertu tal-imġiba tajba li kellek matul is-servizz.
Il-Ministru nnota kif infetħet l-opportunità li membri fl-armata li joħorġu bil-pensjoni, iġifieri wara ħamsa u għoxrin sena servizz, jistgħu jidħlu bħala part-timers fl-armata stess.
Barra minn hekk spjega li d-diskussjonijiet dwar ftehim kollettiv li joffri iktar benefiċċji għall-membri tal-armata jinsabu fi stadju avvanzat. U kif ġara fil-korp tal-pulizija, id-diskussjonijiet qed isiru bejn ir-rappreżentanti tas-suldati flimkien mal-awtoritajiet.
Lil hinn minn dan kollu semma pass ieħor importanti li se jidħol fis-seħħ din is-sena għall-membri tal-Forzi Armati.
Min-naħa tiegħu l-Kap Kmandant tal-Forzi Armati Jeffrey Curmi, saħaq li għaddejja ħidma mill-armata sabiex ikomplu jitjiebu l-kundizzjonijiet u l-livell diġà għoli tal-forza; u ħeġġiġhom jibqgħu jimxu b’livell għoli ħalli jkunu ambaxxaturi denji għall-membri l-oħra fl-armata.