Mill-ġurnata tal-għeluq tal-iskejjel f’Marzu li għadda sal-lum ingħataw total ta’ mija tlieta u għoxrin tablet u laptops u mija tnejn u tletin aċċess għall-internet b’xejn lil studenti vulnerabbli. Dan ħabbru l-Ministru għall-Edukazzjoni Owen Bonnici waqt konferenza tal-aħbarijiet.
Permezz ta’ din l-għajnuna ser ikun qed jingħata ċ-ċans lil diversi studenti u familji vulnerabbli jingħataw opportunità ugwali għall-edukazzjoni fid-dawl taċ-ċirkostanzi straordinarji ta’ bħalissa.
Il-Ministru Bonnici sostna: “B’kollox għandna total 95 tablet, 4 laptops u 7 kompjuters li tqassmu li diġà qegħdin jintużaw mill-istudenti. Kif ukoll donazzjonijiet finanzjarji ta’ kważi €20,000”.
Preżenti għall-konferenza kien hemm ukoll is-Segretarju Permanenti Frank Fabri u tliet kumpaniji li fil-jiem li għaddew taw donazzjoni lill-Ministeru għall-Edukazzjoni għal dan il-għan.
Permezz ta’ evalwazzjoni minn kumitat mwaqqaf apposta ġew identifikati t-talbiet kollha kemm tal-istudenti li jaqgħu taħt Skema 9 u anki dawk li mhumiex iżda talbu l-għajnuna.
Il-Ministru tkellem ukoll dwar il-futur tal-edukazzjoni wara din il-pandemija.
L-Onor. Bonnici sostna: “Biex naħsbu minn issa mhux għall-preżent imma aħna rridu naħsbu fuq il-futur, fuq għada, fuq l-edukazzjoni t’għada li ħa tiġi mpattata bil-COVID-19 u x’nistgħu nitgħallmu u x’nistgħu nkomplu nmexxu ‘l quddiem.”