Huwa stmat li 122, 000 persuna fl-Ewropa huma infettati bl-HIV mingħajr ma jafu u jinfettaw persuni oħra. Dan qalu l-Ewroparlamentari Malti Alfred Sant meta indirizza l-Konferenza “HEPHIV 2017” waqt li saħaq li l-pajjiżi għandhom jimxu mal-wegħda tagħhom li jtemmu l-epidemija tal-AIDS sal-2030.
“Ma hemmx post għall-kompjaċenza dwar dan.” qal Dr Sant. Madwar 30,000 każ ta’ infezzjonijiet ġodda tal-HIV ġew irrapportati mill-Unjoni Ewropea u mill-pajjiżi taż-żona Ekonomika Ewropea fl-2015. Din l-informazzjoni taqbel mal-osservazzjonijiet li saru fl-aħħar diċenju. L-inċidenza għolja tikkonferma l-persistenza tal-epidemija tal-HIV fis-soċjetajiet tagħna.
Dr Sant qal li l-virus tal-Ħepatite huwa theddida għas-saħħa pubblika aktar mill-HIV. Din il-marda għadha qed tikkawża epidemija silenzjuża. Ħafna minn dawk li jgħixu bil-virus tal-ħepatite ma jafux li huma infettati. Dan jitfagħhom f’riskju akbar għal komplikazzjonijiet severi, anki fatali, tal-marda.
“Irridu ninkoraġġixxu aktar testijiet speċjalment fost il-popolazzjonijiet li huma l-aktar f’riskju. Għadu mhux faċli biex l-individwi jagħmlu t-testijiet. Hemm il-biża’ tar-riżultat, speċjalment f’dawk il-gruppi ta’ nies li huma l-aktar f’riskju. Imxejna ’l quddiem ħafna fl-immaniġjar tal-HIV. Issa hawn trattament effettiv. Riżultat pożittiv ma jfissirx sentenza tal-mewt imma jfisser ħajja ta’ trattamenti. Illum nitkellmu fuq persuni li jgħixu bl-HIV l-istess bħal kif nitkellmu fuq persuni li jgħixu bid-dijabete. Iżda l-istigma għadha tippersisti. Ħafna jaħsbu li l-HIV hija marda li persuna ġġib fuqha nnfisha. Irridu niġġieldu din l-istigma.” qal Dr Sant.
L-Ewroparlamentari Malti qal li t-tkabbir massiv ta’ terapiji ‘antiretroviral’ naqqsu n-numru globali ta’ nies li jmutu b’kawżi relatati mal-HIV. Iżda hawn ukoll, il-prezzijiet għadhom għoljin ħafna. Dawn jikkawżaw piż kbir fuq l-awtoritajiet tas-saħħa fil-ħidma għal trattament universali tal-marda u t-tmiem tal-epidemija. Il-persuni li jinsabu pożittivi għat-test għandhom bżonn l-appoġġ sħiħ ta’ tim professjonali li jinkludi appoġġ psikoloġiku. “Irridu niżviluppaw testijiet li jagħtu riżultati aktar malajr, b’inqas flus u li wieħed jista’ joqgħod fuqhom”, qal Dr Sant.