Id-deputat Nazzjonalista Claudio Grech lejlet l-elezzjoni kien mar ifittex lin-neputi ta’ George Farrugia, Chris Farrugia, biex dan jiddiżassoċja ruħu mill-istorja dwar l-iskandlu taż-żejt. Claudio Grech u kollega s-segretarjat privat ta’ Austin Gatt, Bernard Pace, kienu marru jfittxu lil Chris Farrugia b’dan tal-aħħar jgħidlu li kien “qed jagħmel ħsara kbira lil Austin Gatt”.
Il-gazzetta KullĦadd qalet li din l-istqarrija fuq id-Deputat Nazzjonalista tinsab quddiem il-Qorti fi stqarrija b’ġurament li ġiet impoġġija l-Qorti minn Chris Farrugia nniffsu.
B’ġurament Chris Farrugia qal: “Kien hemm talba minn Bernard Pace biex niltaqgħu. Ġie l-uffiċċju u qalli li qed nagħmel ħsara kbira lil Austin Gatt u qalli isfel f’karrozza kien hemm Claudio Grech li kien magħruf magħna għax kien mill-Ħamrun u kien ħaġa waħda ma’ Austin Gatt.
Grech talabni biex jiena niddiżassoċja ruħi mill-istorja, u jien irrifjutajt. Fakkartu li dak li nkiteb kien d-dominju pubbliku. Fakkartu wkoll li aħna familja Nazzjonalista kbira u meta kellna bżonn li tifhmuna min OK qbiżtu għal George Farrugia.”
Din l-istqarrija titfa’ lil Claudio Grech f’pożizzjoni skomda ħafna, fejn iddefenda lil AustinGatt imma, agħar minn hekk, ipprova jsikket membru tal-familja Farrugia biex ma joħorġux dettalji ġodda dwar l-iskandlu taż-żejt.
Għal dan l-affidavit, li tressaq l-Qorti nhar il-Ħamis li għadda, il-Kap tal- Partit Nazzjonalista Simon Busuttil ma ta l-ebda reazzjoni minkejja li membru parlamentari tiegħu jissemma b’mod daqstant ċar.
Chris Farrugia jgħid ukoll li zijuh, li ammetta li xaħħam x-xiri taż-żejt, kien gideb kontra ħutu.GeorgeFarrugia kien ingħata maħfra presidenzjali mill-Prim Ministru Lawrence Gonzi meta Simon Busuttil kien sar Deputat Kap ta’ Gonzi.
Fl-istess affidavit, Chris Farrugia jiżvela wkoll kemm George Farrugia kien qrib il-Ministru tal-Enemalta Austin Gatt u li, apparti li kienu jieklu flimkien, George kien ta donazzjonjiet għall-kampanja tal-eks-Ministru, kien jgħinu billi jagħtih il-BMWs għall-kampanja u anke sala tal- familja Farrugia.
“Irrid ngħid li Farrugia kien middle-man; kien juża l-ħbiberija man-nies, inkluż dawk ma’ AustinGatt jewviċin tiegħu, biex jasal fejn għandu jasal. Kien juża l-familjarità biex jieħu dak li għandu jieħu. U l-każ ta’ Austin Gatt, u aktar tard Tonio Fenech, biex ikun jaf x’qed jiġri f’dan il-qasam,” stqarr bil-ġurament Chris Farrugia.