Il-Franċiżi jinsabu fis-seba’ sema’ wara li għat-tieni darba fl-istorja tagħhom irnexxielhom jirbħu t-Tazza tad-Dinja li saret fir-Russja.
Il-Franċiżi rebħu t-tieni Tazza tad-Dinja wara li għelbu lill-Kroazja b’rebħa ta’ erba’ bi tnejn f’logħba sabiħa li kien fiha spettaklu ta’ gowls, iżda wkoll ta’ kontroversja bl-użu tas-sistema tal-VAR li wasslet ukoll għall-penalty favur it-tim Franċiż.
Il-Franċiżi reġgħu għollew it-tazza, l-aktar waħda prestiġġjuża fid-dinja tal-futbol wara għoxrin sena meta fi Franza stess, il-kowċ nazzjonali Franċiż Didier Deschamps kien għolla wkoll it-Tazza tad-Dinja bħala l-captain tat-team nazzjonali Franċiż b’rebħa fuq il-Brażil.
Ma setax jonqos li r-rebħa ta’ Franza tintlaqa’ b’ċelebrazzjonijiet kbar f’Pariġi.
Mal-miljun partitarju ċċelebraw madwar il-pajjiż iżda mhux kollox kien ward u żahar – hekk kif iktar minn ħames mitt ruħ ġew arrestati wara diversi inċidenti.
Iċ-champion tad-dinja waslu lura Franza tard waranofsinhar b’ajruplan tal-linja tal-ajru Air France li nltaqa’ minn arkata ta’ ilma minn żewġ vetturi tat-tifi tan-nar. Hawnhekk il-bdoti ħarġu jxerju żewġt ibnadar Franċiżi.
Kienu l-captain tat-tim Hugo Llois u l-Didier Deschamps li ħarġu l-ewwel mill-ajruplan li fejn għollew it-tazza tad-dinja quddiem ġemgħa kbira li marret tistennihom l-ajruport. Mill-ajruport il-plejers baqgħu sejrin fiċ-ċentru ta’ Pariġi f’Champs Elysees fejn sabu jistennewhom miljuni kbar ta’ nies li tawhom merħba ta’ eroj.
Dan wara laqgħa mal-President Franċiż Manoel Macron li matulha għarrafhom li kienu se jingħataw l-ogħla unur tal-pajjiż magħruf bħala Légion d’Honneur.
Għalkemm diżappuntanti eluf ta’ Kroati inġabru fil-kapital sabiex jagħtu merħba mistħoqqa lill-iskwadra Kroata li għall-ewwel darba fl-istorja tagħha, dan il-pajjiż ta’ erba miljun ruħ, irnexxielu jasal sal-finali.
Intant ir-rebħa ta’ Franza fil-finali tat-Tazza tad-Dinja qed titqies bħala rebħa għall-immigranti.
Il-messaġġ wera li t-tim Franċiż huwa li anke l-immigranti jfittxu l-opportunità li jirnexxu u jsiru ċittadini tal-komunità li jgħixu fiha.
L-appuntament għat-tazza tad-dinja li jmis huwa għal Novembru tas-sena 2022 fil-Qatar għat-22 edizzjoni ta’ din l-akbar kompetizzjoni tal-futbol fid-dinja u l-ewwel waħda li se jsir fix-xhur tax-xitwin.