Il-Pulizija qalet kif matul din il-ġimgħa li għaddiet, 121 xufier ġew imħarrka mill-Pulizija b’rabta ma’ sewqan b’veloċità eċċessiva f’diversi lokalitajiet madwar il-Gżejjer Maltin, inkluż ġewwa Ħ’Attard, Ħaż-Żebbuġ, Triq il-Kosta f’Baħar iċ-Ċagħaq, San Pawl il-Baħar u l-Mellieħa.
Qalu kif waqt dawn l-ispezzjonijiet ta’ rutina, inħarġu wkoll diversi taħrikiet oħra relatati ma’ ksur tar-regolamenti tat-traffiku, fosthom sewqan taħt l-influwenza tal-alkoħol, użu tal-mobilephone waqt is-sewqan, vetturi mingħajr liċenzja valida tas-sewqan u persuni mingħajr iċ-ċinturin tas-sigurtà waqt is-sewqan, fost oħrajn.
Stqarrew li filwaqt li l-ħidma tal-Pulizija f’dan ir-rigward tkompli fil-ġranet li ġejjin, l-appell jibqa’ lejn is-sewwieqa biex josservaw ir-regoli tat-traffiku b’rispett lejn ħajjithom u ħajjet nies oħra fit-triq.