Informazzjoni mid-Dipartiment għas-Servizzi għall-Istudent, in-numru ta’ studenti kemm fil-livell primarju, kif ukoll fil-livell sekondarju, li ma attendewx l-iskola, matul is-sena skolastika attwali sal-aħħar ta’ Frar 2017 u f’dik ta’ qabilha (2015-16) hu kif jidher f’din it-tabella.
Din l-informazzjoni tkopri każijiet ta’ assenza minħabba mard, każijiet mhux ġustifikati u oħrajn fejn l-assenza kienet ġustifikata.
Rigward ir-raġunijiet li jingħataw skont l-Addressing Attendance in Schools Procedures li tnedew f’Ottubru 2014 il-ġenituri obbligati jċemplu u jibagħtu nota lill-Kap tal-iSkola bi spjegazzjoni biex jiġġustifikaw l-assenza tat-tfal mill-iskola.
Ir-raġunijiet li jingħataw huma varji u jinkludu: raġunijiet ta’ saħħa fil-familja, mard ta’ anqas minn 3 ijiem, imwiet ta’ membri tal-familja u funerali. Huwa l-Kap tal-iskola li jiddeċiedi jekk ir-raġuni li jipprovdu l-ġenituri hija ġustifikabbli jew le. Meta t-tfal ifallu l-iskola għal aktar minn tlett ijiem minħabba mard, il-ġenituri huma mitluba jipprovdu ċertifikat mediku.
Dan qalu l-Ministru għall-Edukazzjoni Evarist Bartolo fi tweġiba Parlamentari.