Il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Evarist Bartolo għamel żjara fl-iskola primarja tal-Ħamrun GP, wieħed mic-ċentri li fih is-servizz ta’ Skolasajf 2019 qed jiġi offrut, fost 57 ċentri oħra madwar Malta u Għawdex. Is-servizz ta’ Skolasajf igawdu minnu wkoll studenti Għawdxin f’7 ċentri f’Ghawdex u ċentri tar-riżorsi. Dan is-servizz annwali jinvolvi l-impjieg ta’ 2000 ħaddiem, fosthom 820 Playworkers u 860 Child Support Workers, biex jieħdu ħsieb madwar 12,000 tifel u tifla.
Għal sena oħra Skolasajf 2019 fetħet il-bibien tagħha t-Tnejn 15 ta’ Lulju għal tfal tal-Primarja u tas-Sekondarja, filwaqt li fit-tieni ġurnata ingħaqdu magħhom tfal li jattendu fis-snin tal-Kinder. Dan is-servizz se jibqa’ għaddej għal perjodu ta’ tmien ġimgħat mit-Tnejn sal-Ġimgħa mit-8:30 ta’ filgħodu sal-12:30 ta’ waranofsinhar. Is-servizz tal-ħin estiż għal darb’oħra huwa provdut għall-ġenituri li jaħdmu u qed jiġi offrut f’ċentri varji li jkopru il-ħinjijiet mis-07:00 sat-08:30 ta’ filgħodu u min-12:30 sal-17:30 ta’ waranofsinhar.
Skolasajf huwa proġett nazzjonali organizzat mill-Fondazzjoni għal Servizzi Edukattivi (FES), li joffri edukazzjoni mhux obbligatorja matul ix-xhur tas-sajf. Tfal ta’ bejn tliet snin u sittax-il sena jistgħu jattendu għal programm sħiħ ta’ attivitajiet, u dawn jistgħu jagħżlu li jattendu fil-lokalità tal-għażla tagħhom, b’kull ċentru joffri l-istess programm ta’ attivitajiet skont il-linji gwida uffiċjali maħruġa mill-FES stess.
It-tema ewlenija għal Skolasajf ta’ din is-sena hija ‘My Travel Journal’, li ġiet deskritta bħala vjaġġ ta’ esperjenzi li t-tfal se jakkumulaw matul it-tmien ġimgħat. Il-ħaddiema tal-Fondazzjoni għal Servizzi Edukattivi (FES), ilhom xhur sħaħ jaħdmu biex kollox ikun ippreparat għal Skola Sajf u dan jinkludi wkoll programm ta’ attivitajiet varji li jqanqlu l-kurżita’ għal esplorazzjoni tal-ħajja u t-tiftix għat-tweġibiet.
‘My Travel Journal’ se joffri lit-tfal ukoll opportunitajiet li jipparteċipaw f’attivitajiet ma’ imsieħba differenti li ġejjin minn kull qasam, kemm dipartimenti tal-gvern u parastatali, kumpaniji privati, assoċċjazzjonijiet sportivi, u anke għaqdiet non-governattivi. Dan l-impenn jissarraf f’diversi żjarat kemm fl-iskejjel u kemm f’siti differenti, fejn it-tfal se jfaddlu memorji kulturali, ambjentali, finanzjarji, u teknoloġiċi. F’dawn l-attivitajiet it-tfal se jesperjenzaw u jitgħallmu xi tfisser iż-żamma tal-ordni, l-apprezzament tal-wirt storiku Malti, is-suċċess tal-intrapriża, l-avvanz fit-teknoloġija, u r-rikkezza tal-litteriżmu.
Waqt iż-żjara tiegħu, l-Ministru Bartolo akkumpanjat miċ-Chairperson tal-Fondazzjoni għal Servizzi Edukattivi s-Sinjura Elena Borg u mill-Kap Eżekuttiv is-Sur Dermot Galea iltaqgħu mat-tfal li kienu qed jieħdu sehem f’attivita’ edukattiva dwar l-impatt negattiv tal-inkwinament tal-baħar, u l-periklu li joffri dan l-iskart lill-kreaturi tal-baħar. Żaru sezzjoni oħra li titratta l-attivita’ fiżika li tagħmel parti minn programm sportiv estensiv liema programm huwa mfassal bil-kollaborazzjoni tad-Dipartiment tal-Edukazzjoni Fiżika. L-għan tal-programm sportiv huwa mmirat li jrawwem fit-tfal stil ta’ ħajja attiva u li jgħarrfu u japprezzaw il-benfiċċji miksuba mill-attivita fiżika .
Il-Ministru Bartolo rringrazzja lill-koordinaturi ta’ Skolasajf u dawk kollha involuti fi ħdan l-FES tax-xogħol kollu tagħhom biex jiġi offrut dan is-servizz li joffri program informali iżda edukattiv fejn it-tagħlim huwa ta’ pjaċir u t-tfal jiżviluppaw il-ħiliet varji tagħhom. Dan il-mod ta’ tagħlim m’għandux ikun biss fis-sajf imma kontinwu biex it-tfal ikunu aktar interessati fl-edukazzjoni, temm jgħid il-Ministru Bartolo.