Tnax-il elf familja f’Għawdex se jirċievu water saving kits matul Ġunju u Lulju biex jikkonservaw l-ilma bħala parti mill-kampanja nazzjonali, L-Ilma – Ibda Minnek.
Waqt żjara fil-gżira Għawdxija l-Ministru Miriam Dalli, s-Segretarju Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi u l-Ministru Clint Camilleri ħabbru li ta’ kull ġimgħa, mobile unit se jdur kull lokalità biex jitqassmu dawn il-kits.
Kull dar se tirċievi wkoll voucher u pakkett li se jissarraf f’għodda għall-iffrankar tal-ilma.
Il-Ministru Dalli stqarret li l-ħsieb wara dawn il-kits huma bidliet sempliċi madwar id-dar biex jonqos il-konsum tal-ilma.
“Tnax-il elf dar li permezz ta’ dan il-kit tal-ilma li ser inkunu qegħdin inqassmu jkunu jistgħu wkoll jiffrankaw l-użu tal-ilma. Wara kollox f’pajjiżna l-ilma huwa riżorsa mill-aktar importanti u allura rridu naċċertaw ruħna li din ir-riżorsa nieħdu ħsiebha u fl-istess ħin ikun ta’ benefiċċju għall-familja għaliex il-familji ser ikunu qegħdin jiffrankaw ukoll finanzjarjament għaliex ikunu qegħdin jikkonsmaw inqas ilma.”
Is-Segretarju Parlamentari Stefan Zrinzo Azzopardi spjega li dan il-proġett qed isir permezz ta’ investiment ta’ iktar minn erbgħa u għoxrin miljun ewro li l-maġġoranza kbira tagħhom ġejjin minn fondi Ewropej.
“Qegħdin ninvestu fondi tal-Unjoni Ewropea f’madwar wieħed u għoxrin miljun ewro sabiex nedukaw u nkomplu noħolqu għarfien kemm hu importanti li nieħdu ħsieb ir-riżorsa tal-ilma.”
Il-Ministru għal Għawdex sostna fuq l-importanza li minn età żgħira nrawmu t-tfal biex jibżgħu għall-ilma u ma jaħlux.
“Illum il-ġurnata sa xahrejn oħra ser inkunu qegħdin induru l-lokalitajiet kollha ġewwa Għawdex sabiex il-pubbliku tagħna jkun jista’ wkoll jibbenefika minn din l-inizzjattiva tant importanti għall-gżira tagħna.”