1200 persuna f’Malta u Għawdex qed jagħmlu użu miċ-Ċentri tal-Familja fil-Komunità.
Qalet dan id-Direttur tas-Servizzi Terawpetiċi fi ħdan il-fondazzjoni għall-Ħarsien Soċjali, Claire Sammut.
F’kumment ma’ dan l-istazzjon hija spjegat l-użu ta’ dawn iċ-Ċentri li jinsabu fi tmien lokalitajiet differenti madwar Malta.
Sammut stqarret, “Hemm tim ta’ professjonisti differenti, naħdmu fuq livell multidixipplinarju, hemm social workers, community development workers, mentors, terapisti u councellors biex flimkien qisna naħdmu bħala tim wieħed biex naqdu kemm jista’ jkun il-bżonnijiet li għandhom in-nies.”
Is-sinjura Sammut spjegat ukoll ħafna mir-realtaijiet li qed iħabbtu wiċċhom magħhom dawn il-professjonisti ta’ kuljum.
Kompliet tgħid, “Bħalissa qed naħdmu ma’ iktar minn 1200 individwu u l-iktar diffikultajiet li jkollna inġenerali huma relatati ma’ diffikultajiet ta’ akkomodazzjoni, financially, problemi soċjali, relazzjonijiet u anke parenting. Lil dawn in-nies ngħinuhom kemm fuq livell individwali u bħala gruppi.”
Fil-fatt fi tweġiba għal mistoqsija parlamentari l-Ministru għall-Familja u s-Solidarjetà Soċjali Michael Falzon spjega li 228 persuna jew familja jirċievu servizz ta’ mentoring b’mod invidwali.
Il-Ministru Falzon spjega li kull persuna li tingħata is-servizz ta’ mentoring isirilha pjan ta’ kura.
Dan il-pjan jsir bi qbil bejn il-klijent u l-professjonisti, u jitfassal wara li jsir assesjar mibni fuq 8 aspetti importanti li jinkludu fost l-oħrajn it-trobbija tal-ulied, relazzjonijiet, għarfien finanzjarju u stabbiltà, motivazzjoni għax-xogħol, u studju matul il-ħajja.
Fiċ-cirkustanzi preżenti, minħabba l-imxija tal-Covid-19, dawn is-servizzi xorta ser jibqgħu diponibbli.
“Aħna xorta qed noperaw minn 3 ċentri prinċipali. Qed noperaw mill-Qawra, qed noperaw mill-Belt u anke mill-Birgu. Xorta miftuħin għan-nies. Naħdmu magħhom kemm jekk jiġu fiċ-ċentri tagħna u kemm bit-telefon jiġifieri xorta għadna miftuħin għax il-problemi xorta hemm qegħdin.” Ikkonkludiet tgħid Sammut.