Mija u għoxrin tifel u tifla f’Malta għadhom kif ingħataw l-opportunità li jitħarġu fit-teknika tal-futbol minn coaches tal-Akkademja tal-Juventus, kif ukoll coaches lokali, li għadhom kif temmew kamp ta’ taħriġ li dam ħamest ijiem.
L-etajiet tat-tfal ivarjaw bejn il-ħames snin u s-sbatax-il sena, u t-taħriġ sar bil-prekawzjonijiet kollha imposti mill-Awtoritajiet tas-Saħħa b’rabta mal-Covid-19.
Dan sar grazzi għal ħidma tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu bil-għan ukoll li ssir promozzjoni għall-Gżejjer Maltin barra minn xtutna. Dan huwa wkoll fost sensiela ta’ ftehim kummerċjali li l-awtorità diġà għandha ma’ ditti u persuni rinomati fil-kamp sportiv, inkluż dak li Malta hija attwalment id-destinazzjoni uffiċjali ta’ klabb ieħor rinomat, Manchester United.
Iċ-Chairman tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Gavin Gulia qal li jinsab ottimist li dan il-proġett se jkompli jikber u jrendi fiż-żmien li ġej grazzi għal edizzjonijiet oħra futuri.
Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ u l-Isport Clifton qal ukoll li t-titjib u l-iżvilupp tal-faċiltajiet sportivi madwar Malta huwa imperattiv biex inkomplu nilqgħu entitajiet u professjonisti barranin.
Il-Ministru għat-Turiżmu Farrugia Portelli qalet li din hija esperjenza unika għat-tfal, u mod ta’ kif insaħħu t-turiżmu sportiv f’pajjiżna bl-għan li jiġu parteċipanti u familji minn barra minn Malta apposta għal dan l-avveniment.