Kull sena f’pajjiżna qed jiġu dijanjossati mal-mija u għoxrin każ ġdid ta’ melanoma, jek kif inhi magħrufa aħjar bħala kanċer tal-ġilda f’pajjiżna.
Dan ikkonfermah il-kap tad-Dipartiment tad-Dermatoloġija Dr. Lawrence Scerri fejn ma’ ONE News stqarr li ta’ kull sena din il-marda qed tħalli warajha wkoll numru ta’ vittmi.
Huwa stqarr: “Lokalment nistgħu ngħidu li jkollna mal-120 każ fis-sena li mhux ftit per capita u mwiet ikolna bejn 8 u 9 fis-sena u bħala rata dawn mhumiex ftit.”
Scerri komla jispjega li f’pajjiżna l-ammont ta’ raġġi tax-xemx huma kbar u hawnhekk appella lil dawk li jqattgħu ħin twil fix-xemx sabiex jipproteġu lilhom infushom permezz ta’ lqugħ adegwat u bl-użu bil-krema għall-protezzjoni mix-xemx kull sagħtejn.
Il-Kap tad-Dipartiment tad-Dermatoloġija komplja jispjega li filwaqt li kulħadd huwa suxxetibbli għal din il-marda, persuni b’ġilda ċara għandhom riskji akbar.
Huwa sostna: “Min ikollu riskju għoli jiġifieri ġilda bajda, min iqatta aktr ħin fix-xemx fis-sajf u anki fir-rebbiegħa rridu nsemmu wkoll.”
Scerri nnota wkoll li tul dawn l-aħħar għoxrin sena l-każijiet ta’ Melanoma żdiedu drastikament.
Huwa kompla jispjega: “Iktar ukoll ta’ inkwiet meta wieħed jara t-trends tul dawn l-aħħar 20 sena r-rata rduppjat u dan huwa kollu konsegwenza ta’ exposure għax-xemx tul dawn l-aħħar għexieren ta’ snin.”