Madwar 120 ħaddiem tas-servizz pubbliku gawdew minn leave addizzjonali minħabba ċirkostanzi ta’ sfida li l-ħaddiem kien għaddej minnhom.
Dan permezz tal-fond karitattiv tal-leave li jara l-ħaddiema jiġbru l-ġranet frank żejda li jifdlilhom fih sabiex jużahom xi ħadd li jkollu iżjed bżonnhom.
Is-Segretarju Permanenti fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru Dr Joyce Cassar spjegat kif dan il-fond jassigura li bl-att karitattiv ta’ ħaddiema oħra, l-ebda persuna ma titħalla bla paga fl-aktar mumenti diffiċli ta’ ħajjitha.
Spjegat, “Il-leave li fl-aħħar tas-sena m’utilizzawhx jagħtu parti minnu lejn dan il-fond li jinġabar biex anke jkun jista’ jgħin matul is-sena lil dawk li jkollhom bżonnijiet umanitarji bħal mard, konvalexxenza, f’każi ta’ cancer, jew nies li jridu jagħmlu programm għal substance abuse. Allura dan inkunu nistgħu naqdu numru ta’ nies matul is-sena biex mat-tbatija li diġà jkollhom ma jkunux qed ibatu anke nuqqas ta’ paga.”
Cassar spjegat kif is-sena li għaddiet kien hemm żieda fl-ammont ta’ sigħat mogħtija minn dan il-fond.
Qalet, “Matul l-2021 kellna mogħtija 49,700 siegħa u gawdew minnhom xi 120 impjegat li minnhom ġieli jkun hemm iktar minn talba waħda, kumparat mal-2017, li kellna xi 21,000 siegħa.”
Din iċ-ċifra turi żieda wkoll min-numru ta’ sigħat li ġew utilizzati tul is-sena ta’ qabel hekk kif fl-2020, uffiċjali pubbliċi gawdew minn 47,000 siegħa ta’ leave offruti minn kollegi tagħhom fis-Servizz Pubbliku.
Dan huwa d-doppju tal-ammont ta’ 24,000 siegħa li ntużaw fl-2019.
Ma’ dawn hemm ukoll ħaddiema li wara li jidentifikaw każijiet ta’ ħaddiema oħra li jkollhom bżonn il-leave jagħżlu li jgħaddulhom leave minn tagħhom stess.
Stqarret kif dawn l-aħħar snin, is-servizz pubbliku qed jadotta sistema li ddur kompletament mal-bżonnijiet tal-ħaddiema u għalhekk ikun assigurat li hekk kif persuna jispiċċalha il-leave u s-sick leave imħallas jiġu kkunsidrati biex igawdu minn dan il-fond.
Spjegat, “Dan il-fond huwa parti minn filosofija sħiħa, aħna apparti din id-diviżjoni magħha hemm marbutin numru ta’ managers, people 360 insejħulhom, li qegħdin jaħdmu fil-Ministeri, jiltaqgħu ma’ individwi one to one, naraw il-bżonnijiet tagħhom u nkunu nistgħu kemm nirreferuhom għal dan il-fond u affarijiet oħrajn, pereżempju l-employee suppost program.”