Madwar 120 familja li joqogħdu fiż-żona ta’ L-Andrijiet fir-Rabat se jibbenefikaw minn proġett ta’ ħames miljun u ħames mitt elf ewro, u b’hekk se titjibilhom il-kwalità tal-ħajja.
Dan tħabbar fil-konferenza tal-aħbarijiet bit-tema ‘Malta – Ċertezza u Stabbiltà’, fil-preżenza ta’ wħud minn dawn il-familji.
Ġie spjegat li sas-sena li għaddiet dawn ir-residenti kienu għadhom mhux imqabbdin mas-sistema nazzjonali tad-drenaġġ u kienu għadhom jiddependu fuq il-fosos taħt l-art, li meta jimtlew ikollu jiġi l-bowser ibattalhom.
Dan sakemm ma jfurux fit-triq, bil-konsegwenzi kollha ta’ saħħa u ntejjen li kienu jġibu magħhom.
Permezz ta’ investiment ta’ erba’ miljun u seba’ mitt elf ewro mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma b’Fondi Ewropej, il-Kap Eżekuttiv tal-Korporazzjoni, Karl Cilia, qal kif dawn il-familji fl-aħħar se jkollhom servizz tad-drenaġġ bħalma nsibu f’kull lokalità u se jkollhom ukoll provvista tal-ilma aktar sigura.
Qal, “F’dan l-investiment żgurajna li, jekk iż-żona tikber u jiżdiedu aktar familji, dawn ukoll jieħdu benefiċċju minn din in-netwerk ġdida; proġett li ħa aktar żmien minn dak previst għax iż-żona hi waħda sensittiva u minħabba fdalijiet storiċi x-xogħol mhux biss kien sorveljat mis-Sovretendenza imma kellu jsir b’mod kawt ħafna. B’kollox, għaddejna aktar minn erba’ kilometri mejn tal-ilma tax-xorb u madwar tmien kilometri mejn tad-drenaġġ, flimkien ma’ żewġ pumping stations u cable tal-fibreoptics li jgħaqqdu man-netwerk tad-distribuzzjoni tagħna.”
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-Enemalta, Jonathan Cardona, qal li waqt dan il-proġett, investew madwar €800,000 sabiex ineħħu l-wires ta’ vultaġġ għoli fuq l-arbli fl-għelieqi li kienu jwasslu l-elettriku f’din iż-żona, u minflok għaddew cables taħt l-art.
B’hekk, tnaqqas sew ir-riskju tal-qtugħ fil-provvista għal dawn ir-residenti, speċjalment meta jkun il-maltemp.
Qal, “Dan il-post, anke minħabba kif kienu għaddejjin il-linji, ir-residenti ta’ hawn kienu qed ibatu u kellhom servizz li ma kienx adegwat. Kien hawn linji li kienu esposti għall-elementi u, flimkien ma’ entitajiet differenti, tejjibna s-servizz għar-residenti tagħna.”
Is-Sindku tar-Rabat, Sandro Craus, innota li s-sistema ta’ qabel kienet qed tħalli impatt negattiv fuq l-ambjent.
Qal, “Jien inqis dan il-proġett bħala wieħed ambjentali, peress li meta jfur id-drenaġġ mill-fosos kien jibqa’ nieżel ’l-isfel u jikkontamina l-ilma. Minbarra li qed ngħinu wkoll lir-residenti li qed jgħixu hawn, qed ngħinu l-aspett ambjentali f’din iż-żona.”
Il-Ministru responsabbli minn dawn l-entitajiet li wettqu x-xogħolijiet, Miriam Dalli, qalet li minħabba deċiżjonijiet żbaljati tal-passat, din il-komunità kienet ilha tbati għal snin twal.
Saħqet kif, minkejja l-isfidi internazzjonali kollha, sar xogħol biex mhux biss nagħtu serħan il-moħħ lill-familji, imma wkoll biex jibqa’ għaddej bl-investiment fl-infrastruttura u fil-kwalità tas-servizz li jiġi offrut.