Sewwieq ta’ mutur li kien involut f’inċident tat-traffiku serju kellu bżonn xejn inqas minn mija u għoxrin borża ta’ demm biex isalva u jgħix.
Dan f’inċident wieħed biss minn sensiela li ta’ kuljum jirfsu l-għatba tad-Dipartiment tal-Emerġenza fl-Isptar Mater Dei.
Fil-kamra li fiha jidħlu każijiet ta’ ħajja jew mewt, il-Kap tad-Dipartiment Dr. Michael Spiteri spjega ma’ ONE News li l-iżjed pazjenti li jkollhom bżonn demm huma nies li jkunu nvoluti f’inċidenti serji.
Spjega li “L-iżjed li jkolna statistikament huwa inċidenti tal-karozzi u muturi, pedestrians li jkunu nvoluti f’inċidenti, għandek il-construction industry u occupational hazards li jkollok ċertu amont ta’ injuries minnhom kif ukoll fix-xhur tas-sajf jippeakjaw inċidenti relatati mal-baħar, ħruġ fit-tard u anki inċidenti fil-postijiet diversi ta’ divertiment li għandna madwar il-gżira.”
Huwa għalhekk li l-appelli tal-Bank tad-Demm matul ix-xhur tas-sajf jiżdiedu.
Dan hekk kif minbarra pazjenti b’mard bħall-kanċer li jirrikjedu d-demm sajf u xitwa, ikun hemm ħafna inċidenti oħra li jiġu bżonn id-demm.
Id-Direttur tal-Bank tad-Demm Dr. Alex Aquilina semma li fost l-isfidi li b’mod speċjali fis-sajf jaffetwaw lid-donaturi tad-demm huma t-temperaturi sħan u l-btajjel barra l-pajjiż.
Qal li “Ikun hemm ċertu btajjel f’ċertu pajjiżi qrib tagħna bħall-Italja, partijiet minn Franza, l-Ungerija, ir-Rumanija fejn minħabba ċertu viruses bħalissa hemm il-west virus li jistgħu jiġu trasmessi mid-demm, min imur f’dawn il-pajjiżi ma jkunx jista’ jagħti demm għal perjodu ta’ żmien normalment tkun 28 ġurnata.”
Kuljum, fl-Emerġenza jmorru medja ta’ erba’ mitt pazjent – li jingħataw attenzjoni skont l-urġenza.
Każijiet f’livelli bejn wieħed sa tlieta jitqiesu bħala serji, filwaqt li oħrajn fil-livelli erbgħa u ħamsa ikunu minuri – li ħafna drabi għalihom il-pazjenti setgħu rrikorrew għand tabib jew ċentru tas-saħħa.
Bi tliet mija u dsatax-il pazjent f’erbgħa u għoxrin siegħa f’każijiet b’livelli meqjusa serji, tliet ġimgħat ilu nkiser ir-rekord ta’ kemm id-Dipartiment tal-Emerġenza tratta pazjenti f’ġurnata waħda.
Ma jfissirx li l-każijiet kollha li jitratta d-Dipartiment tal-Emerġenza jirrikjedu l-boroż tad-demm.
Iżda biex bħalma jgħid il-Malti “Erfa u sorr għal meta tiġi bżonn”, fid-Dipartiment tal-Emerġenza dejjem jinżammu żewġ boroż demm tat-tip O-Negative – li jaqbel ma’ kull pazjent u li iżda huwa l-iżjed rari f’pajjiżna – bi tmienja fil-mija biss tal-popolazzjoni għandha dan it-tip ta’ demm.
Dawn jintużaw f’inċidenti serji fejn ma jkunx hemm ċans isir magħruf il-grupp tad-demm tal-pazjent.
Aquilina qal li “F’dak il-każ tista’ tuża l-O-Negative sakemm isir ftit minuti li jkunu kruċjali bejn ħajja u mewt, ikun jista’ jsir il-blood group tal-pazjent u jingħata skont il-blood group tiegħu.”
Meta jintużaw dawn iż-żewġ boroż, isir kuntatt immedjat mal-Bank tad-Demm.
Spiteri qal li “Jekk is-sitwazzjoni hija tant kritika li anki ż-żewġ units li għandna aħna ma kinux biżżejjed jintalab il-code red pack fejn il-blood bank jiġi mmedjatament alerted li dal-pazjent ħa jkun a very heavy user, jibgħatilna pack lest b’iktar prodotti tad-demm mhux just iċ-ċelloli l-ħomor b’components oħra ta’ demm u minn hemmhekk jibda proċess biex il-grupp tad-demm tal-pazjent isir magħruf ħalli wara li jingħataw l-ewwel rescue packs jibdew jingħataw il-prodotti tad-demm li għandu bżonn il-pazjent skont il-grupp tiegħu.”
Għaldaqstant l-appell dejjem jibqa’ biex min jista’ jagħti d-demm, ħalli jagħti t-tama.