F’Sentenza importanti mill-Qorti tal-Appell, mara ta’ 39 sena ġiet meħlusa minn kull akkuża ta’ traffikar ta’ droga eroina wara li fl-appell hija saħqet li ma ngħatatx d-dritt li tkun mgħejjuna minn avukat waqt li tat stqarrijiet lil pulizija filwaqt li sar tiftix mill-pulizija mingħajr ma kienet mgħarrfa li hija setgħet tirrifjuta li jsirilha t-tiftix.
Il-każ imur lura seba’ snin, meta l-mara, Claire Farrugia żaret lil priġuniera Elaine Rapinett. Il-gwardjana tal-ħabs issuspettat li din kienet għadditilha xi droga u kien hawnhekk fejn hi ordnat li jsir tiftix fuq Farrugia.
Il-Qorti tal-Appell immexxija mill-imħallef Consuelo Scerri Herrera, irrevokat is-sentenza tal-Qorti li sabet lil Farrugia ħatja Mejju li għadda u li kkundanatha għal-12-il xahar priġunerija. Il-qorti ordnat ukoll li tiġi meqruda id-droga konnessa mal-każ. L-avukati Franco Debono u Anita Giordimaina dehru għall-akkużata.