Nhar it-13 ta’ Marzu tal-2013, wara ħames voti fil-Konklavi, l-Arċisqof ta’ Buenos Aires Jorge Mario Bergoglio ġie elett Kap tal-Knisja Kattolika bħala l-ewwel wieħed mill-Amerika t’Isfel.
Hu sar ukoll l-ewwel Papa Ġiżwita u, mill-ewwel, iddikjara li Franġisku kien se jkun l-isem uffiċjali tiegħu. Hu ħa post Papa Benedittu XVI, li spiċċa jirriżenja minħabba raġunijiet ta’ saħħa.
Matul iż-żmien ġie deskritt bħala l-Papa b’viżjoni moderna u attwali, waqt li dejjem ippontifika l-kompassjoni u l-paċi, għalkemm ma qagħadx lura milli jindirizza diversi temi jaħarqu li kienu qed iżommu bosta persuni ’l bogħod mill-Knisja.
Fost dawn kien hemm l-akkużi serji ta’ abbużi fuq minuri mill-membri tal-kleru fi skandli li kienu dejjem jispiċċaw midfuna u r-riformi fil-governanza tal-Vatikan.
Il-punt kruċjali dwar il-mentalità tiegħu f’dan ir-rigward wasal ħames snin wara li ħa l-Pontifikat meta, fl-2018, waqt vjaġġ fiċ-Ċilì, kien iddefenda isqof wara allegazzjonijiet li kien għatta reati ta’ qassis veteran hekk kif talab biex jinġiebu provi dwar dak li kien intqal.
Ftit wara hu kien ammetta li għamel “żball gravi”, ħaġa li qatt ma kienet ġiet ammessa qabel minn xi Papa ieħor.
Wara laqgħa fil-Vatikan mal-Isqfijiet kollha taċ-Ċilì, kollha tefgħu r-riżenja tagħhom u aktar tard dik is-sena neżża’ lill-qassis Amerikan Theodere McCarrick mit-titlu ta’ Kardinal, waqt li, fl-2019, neħħih ukoll minn qassis.
Fl-istess sena kien laqqa’ summit bla preċedent fejn tkellmu l-vittmi tal-abbużi u wiegħed li se jiġġieled totalment l-abbużi mwettqa mill-kleru. Wegħda li twettqet anke b’riformi konkreti.
Il-Papa Franġisku, matul dawn it-12-il sena, għamel 47 vjaġġ barra mill-Vatikan fejn dejjem ta prijorità lil pajjiżi b’komunitajiet żgħar jew emarġinati, inkluż f’Malta.
Kontinwament ipprietka għall-paċi f’postijiet kruċjali bħas-Sudan, Gaza u l-Ukrajna u ppromwova diskussjonijiet ma’ mexxejja ta’ reliġjonijiet oħrajn, partikolarment dawk Iżlamiċi.
Persuna liberali li tħobb tkun qalb in-nies, Franġisku pprova joħloq mentalità aktar miftuħa fuq diversi suġġetti, partikolarment lejn id-divorzju, iż-żwieġ u membri li jifformaw parti mill-komunità LGBTIQ+.
Dan l-approċċ ma niżilx tajjeb mal-kleru b’viżjoni tradizzjonalista, speċjalment id-deċiżjoni li ħa fl-2023 li jawtorizza t-tberik f’ċerti każi ta’ koppji tal-istess sess, bil-Vatikan ikun imġiegħel jikkjarifika l-pożizzjoni tiegħu wara protesti fl-Afrika u fl-Istati Uniti, fost l-oħrajn.
Bħala wild l-immigranti, Papa Franġisku dejjem iddefenda d-drittijiet ta’ persuni li jkollhom ifittxu kenn f’pajjiżi oħrajn, inkluż il-kritika tiegħu lejn il-President Amerikan Donald Trump meta ħabbar il-pjani ta’ deportazzjoni tal-massa.
Minbarra hekk dejjem kien militanti favur l-ambjent fejn anke f’diskorsi importanti ħeġġeġ lid-dinja biex tittrattaw it-tibdil fil-klima u tefa’ r-responsabbiltà fuq il-pajjiżi sinjuri.
Papa Franġisku implimenta riformi fundamentali fil-Kurja Rumana, li hi l-awtorità ċentrali tas-Santa Sede. F’dawn ir-riformi, li kienu kkonsolidati fil-kostituzzjoni tal-2022 u li fiha kienu riorganizzati d-dekasteri tal-Vatikan, kien hemm id-diċentralizzazzjoni tal-poter u żieda fit-trasparenza kif ukoll rwoli akbar għan-nisa u l-lajċi.
Hawnhekk partikolarment indirizza l-iskandli fil-finanzi tal-Vatikan billi waqqaf segretarjat speċjali għall-ekonomija fl-2014 biex inaffar il-korruzzjoni u jżid l-iskrutinju fuq l-investimenti u l-Bank tal-Vatikan, mossa li wasslet biex ingħalqu mal-5,000 kont.
Għamel ukoll rivoluzzjoni fis-Sinodu billi fih involva kemm membri lajċi kif ukoll nisa.
F’dawn ir-riformi istituzzjonali, il-Papa dejjem iffaċċja oppożizzjoni qawwija, b’xi kritiċi saħansitra jakkużawh b’imġieba simili għal tirannija.