Fl-aħħar tnax-il sena, Gvern Laburista wassal għal bidliet kbar fis-soċjetà Maltija.
Taħt Gvern Nazzjonalista, aktar minn 15,000 persuna kienu dipendenti fuq l-assistenza soċjali, filwaqt li l-ammont ta’ nies jirreġistraw kien qabeż sewwa s-7,000 persuna.
It-tkabbir ekonomiku li seħħ taħt Gvern Laburista kien mifrux biżżejjed biex jilħaq lil dawk l-aktar vulnerabbli.
Tant li llum għadna ftit aktar minn elf persuna jirreġistraw għal impjieg, u mentri fl-2012 kien hemm seba’ persuni jfittxu xogħol għal kull job vacancy, illum għandna seba’ job vacancies għal kull persuna fuq ir-reġistru tal-qgħad.
L-ammont ta’ dawk fuq l-assistenza soċjali naqas bin-nofs. Is-single parents li huma sidien ta’ darhom irduppjaw, mentri l-proporzjon tal-popolazzjoni f’sitwazzjoni ta’ ċaħda materjali severa huwa 4%, jew l-anqas rata qatt osservata fl-istorja.
Il-paga minima u l-benefiċċji soċjali żdiedu b’mod sinjifikanti wara aktar minn ġenerazzjoni ffriżati taħt Gvernijiet Nazzjonalisti. Bl-investiment soċjali tal-Gvern f’benefiċċji jilħaq kważi €1,600 miljun, kważi biljun ewro aktar mill-2012.
Wara tnax-il sena ta’ Gvern Laburista, Malta tinsab l-ewwel fl-Ewropa fl-indiċi tal-libertajiet ċivili.
Dwar l-impjiegi, fl-2012, Malta kellha t-tieni l-anqas rata, illum għandna t-tieni l-aqwa rata fl-Unjoni Ewropea. Dan minħabba miżuri fiskali qawwija, bħac-childcare b’xejn, l-in-work benefit, u t-tapering ta’ benefiċċji soċjali, ħafna nisa kellhom l-mezz li jibdew jaħdmu.
Illum pajjiżna għandu rata ta’ impjiegi fost in-nisa ta’ 74%, meta fl-2012 din kienet 44% biss.
Fil-qasam ambjentali, fl-aħħar tnax-il sena l-emissjonijiet ras għal ras f’pajjiżna naqsu bi 13%. Dan seħħ l-aktar għax minn sitwazzjoni fejn l-enerġija kienet ipprodotta bl-aktar fjuwil li jniġġeż, pajjiżna qaleb għal gass naturali.
Fl-2012, 1.6% biss tal-enerġija ġġenerata f’pajjiżna kienet minn sorsi rinnovabbli, illum dan il-proporzjon tela’ għal aktar minn 10%.
Dan apparti li Gvern Laburista wettaq bosta proġetti infrastrutturali, li mmodernizza pajjiżna, fosthom dak tal-proġett tal-Marsa.