Fil-jiem li għaddew tnax-il Pulizija bdew bit-taħriġ tagħhom sabiex fil-ġimgħat li ġejjin jissieħbu fit-taqsima tat-traffiku. Għall-ewwel darba f’għexieren ta’ snin din it-taqsima mistenni jkollha wkoll Pulizija mara. Dawn il-Pulizija se jkunu qed jingħataw taħriġ intensiv minn esperti barranin bil-għan li jkollhom it-taħriġ kollu saż-żjara tal-Papa Franġisku fl-aħħar ta’ Mejju li ġej.
Sorsi fi ħdan il-Korp tal-Pulizija xejjnu fake news maħruġa minn NET News ftit tal-jiem ilu dwar l-Ispettur li se jkun inkarigat minn din it-taqsima. Filfatt l-istess sorsi kkonfermaw ma’ ONE News li l-Ispettur il-ġdid ta’ din it-taqsima se jkun Edmond Cuschieri.
Din it-taqsima se tkun qed taqa’ taħt l-Assistent Kumissarju Nezren Grixti li bħalissa huwa responsabbli wkoll mit-taqsimiet tar-Rapid Intervention Unit u l-Ispecial Intervention Unit.
Fl-aħħar ġimgħat diversi Pulizija mit-Taqsima tat-Traffiku ġew investigati mill-Korp tal-Pulizija stess wara allegat abbuż fl-extra duties li kienu jaħdmu. Filfatt bħalissa hemm 31 Pulizja li jinsabu sospiżi taħt Police Bail u kien hemm ukoll seba’ riżenji li ġew milqugħa mill-korp.