Mill-Ħadd sal-lum inqatlu 12-il persuna fl-ajruport ta’ Kabul jew fl-inħawi. Ikkonferma dan kelliem għat-Taliban.
L-uffiċjal qal li huma mietu waqt li folla nies fuq xulxin bdew jiġru sabiex jilħqu post fuq ajruplan, b’uħud minnhom inqatlu b’tiri sparati lejn il-folla.
Huwa appella biex persuni mingħajr dokumenti tal-ivvjaġġar ma jersqux lejn l-ajruporti. Sostna li t-Taliban ma jrid li jweġġa’ jew joqtol lil ħadd.
Fl-aħħar jiem mindu l-Afganistan waqa’ taħt il-kontroll tat-Taliban, rajna bosta xeni ta’ nies iddisprati jipprovaw jaħarbu mill-pajjiż, dan hekk kif numru ta’ pajjiżi bdew jevakwaw liċ-ċittadini tagħhom ‘il barra mill-Afganistan.
L-Amerika diġà evakwat aktar minn 5,200 persuna, b’elfejn minnhom fl-aħħar 24 siegħa. Intant, il-Gvern Amerikan wiegħed li joħroġ mat-22,000 Afgan fil-periklu li jiġu persegwitati mit-Taliban, kif ukoll mal-15,000 Amerikan li għadhom l-Afganistan. Il-President Amerikan Joe Biden qal li dan se jsir anke jekk ikun ifisser li din l-operazzjoni tieħu aktar mill-31 ta’ Awwissu, id-data ta’ skadenza minn meta kellhom jirtiraw totalment it-truppi.