Fil-belt ta’ Idlib fis-Sirja aktar minn 12-il persuna nqatlu filwaqt li 60 oħra ndarbu waqt attakki mill-ajru matul il-jum tal-Erbgħa. L-attakki saru f’żona li hija miżmuma taħt il-kontroll tar-ribelli. In-numru ta’ mwiet huwa mistenni li jiżdied hekk kif għad hemm xi persuni maqbuda taħt it-tifrik.
Persuna li joqgħod viċin iż-żona ta’ fejn seħħew l-attakki qal illi matul il-jum tal-Erbgħa kien hemm ajruplani tal-gwerra jtiru fuq iż-żona, jisparaw amonti ta’ balal lejn l-art.
Dawn l-attakki saru wara ftehim ta’ waqfien mill-ġlied li daħal fis-seħħ nhar it-12 ta’ Jannar li għadda.
Il-grupp ta’ salvataġġ, The White Helmets, irreġistraw minn tal-inqas 12-il att li jmur kontra l-ftehim tal-waqfien mill-ġlied. Il-grupp akkuża li r-Russja kienet wara dawn l-attakki.