Tnax-il kunsill lokali ffirmaw ftehim mad-Diviżjoni għat-Tindif u l-Manutenzjoni li se jara li dawn il-lokalijiet jitnaddfu u jissebbħu aktar. Il-ftehim jara li jitwessa’ l-operat tad-Diviżjoni għat-Tindif u l-Manutenzjoni, li jara li l-operat tagħha f’dawn il-lokalitajiet jiżdied fir-riżorsi umani u l-makkinarju biex jitnaddfu toroq residenzjali.
It-12-il kunsill li se jgawdu mill-ftehim huma dawk ta’ Bormla, Birkirkara, Birżebbuġa, l-Iklin, il-Kalkara, Ħal Kirkop, Ħal Luqa, Marsaxlokk, l-Imtarfa, Santa Venera, Ta’ Xbiex u ż-Żurrieq.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Indafa Pubblika, Glenn Bedingfield, semma kif l-għan aħħari mhuwiex l-indafa waħedha, imma huma nies u l-ambjent li ngħixu fih. Hawn tenna li jiddependi minnha li nsebbħu u nżommu pajjiżna nadif.
“Qed naħdmu id f’id mal-lokalitajiet permezz ta’ ftehim mal-kunsilli lokali, għax aħna jinteressana mill-ambjent tan-nies, il-postijiet fejn jgħixu n-nies, il-lokalitajiet tagħna. Dan nagħmluh għax irridu pajjiż li jilqgħek, pajjiż isbaħ, pajjiż aħjar.”
Waqt din il-konferenza, is-Segretarju Parlamentari ħabbar ukoll li, fiż-żmien li ġej, Malta se jkollha Att dwar l-Indafa Pubblika. Saħaq dwar l-importanza ta’ dan l-Att li l-għan tiegħu se jkun li jiddefinixxi aħjar x’tinvolvi l-indafa pubblika u jidentifika responsabbiltajiet li għandhom x’jaqsmu mal-indafa pubblika.
Min-naħa tagħha, is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, Alison Zerafa Civelli, filwaqt li qalet li ż-żamma u l-indafa tal-lokalitajiet hi waħda mir-responsabbiltajiet ewlenin tal-kunsilli, iż-żamma ta’ lokalitajiet nodfa hi wkoll sfida għalihom.
Madankollu, permezz ta’ dan l-isforz kollettiv, issa qed jikkommettu li joffru ambjent aħjar, aktar nadif u san għall-ġid tar-residenti.
“Iż-żamma u l-indafa tal-lokalitajiet huma żewġ responsabbiltajiet ewlenin tal-kunsilli lokali. Permezz ta’ dan il-ftehim, il-kunsilli lokali se jkollhom aktar għodod f’idejhom biex iżommu l-lokalitajiet isbaħ u aħjar.”
Min-naħa tiegħu, id-Direttur Ġenerali għad-Diviżjoni tat-Tindif u l-Manutenzjoni, Ramon Deguara, tenna li l-entità wettqet investiment massiv li jqarreb it-tmin miljun ewro kemm f’tagħmir tal-aħħar teknoloġija u anke fil-ħaddiema nfushom.