Tnax-il bajja – disgħa f’Malta u tlieta f’Għawdex – ġew ippremjati bil-Blue Flag Award.
Dan ifisser li dawn il-bajjiet issodisfaw kriterji stabbiliti min-Nature Trust fejn jidħol l-ittestjar regolari tal-kwalità tal-ilma, l-operat ta’ salvataġġ, u anki l-stazzjonijiet tal-ewwel għajnuna, fost l-oħrajn.
Dawn il-Premjiet jiżġuraw li l-bajja tkun miżmuma fl-aħjar mod possibbli u bl-aqwa kwalità.
Il-Kap Eżekuttiv tan-Nature Trust, Vince Attard, saħaq fuq l-importanza ta’ iżjed ħidma kontinwa biex iżjed bajjiet u xtajtiet ikunu parti mill-Blue Flag.
“Il-bandiera blu hija ċertifikazzjoni internazzjonali tal-aqwa kwalità u din qiegħda mxerrda ma’ madwar 70 pajjiż. Immexxija wkoll mill-United Nations u l-European Union – kollha jidħlu fil-ġurija ta’ din il-kwalità u għalhekk hija tfisser li din il-bajja, li hija friendly, hija safe, u hija tattratta turisti minn madwar id-dinja kollha biex iżuru dawn il-bajjiet.”
Il-Ministru għat-Turiżmu, Clayton Bartolo, saħaq kif permezz ta’ dan l-iskrutinju qed issir qabża oħra ’l quddiem biex pajjiżna joffri l-kwalità u l-eċċellenza turistika f’kull livell.
“Għal sena oħra qegħdin nikkonfermaw il-Blue Flag beaches f’pajjiżna, fejn għandna 9 f’Malta u 3 f’Għawdex. Dan kollu huwa marka ta’ kwalita li nħallu aħna fil-prodott turistiku ta’ pajjiżna, sabiex naraw li jkollna l-bajjiet li jkunu ta’ kwalità ogħla milli kienu qabel biex jitgawdew mill-poplu Malti u Għawdxin u anki mit-turist.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, Carlo Micallef, qal li l-eċċellenza fil-prodott li pajjiż joffri ma tiġix b’inizjattiva waħda, imma b’numru ta’ inizjattivi favur l-esperjenza tat-turisti.
“Fil-jiem li ġejjin, l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu se tkun qiegħda tvara l-maskot Luna, li hija fekruna, li se tkun qed iddur il-bajjiet u diversi postijiet madwar Malta u Għawdex biex teduka dwar il-bandiera blu, ta’ kif inġibu ruħna fuq il-bajjiet, inżommu l-indafa, ingawdu l-bajjiet tagħna, u se jkun importanti ħafna li nwasslu dan il-messaġġ lill-poplu kollu.”