Illejla, waqt il‑Vġili Solenni tal‑Qawmien tal‑Mulej mill‑Imwiet fil‑Konkatidral ta’ San Ġwann, l‑Arċisqof Charles Jude Scicluna ser jiċċelebra s‑Sagramenti tad‑Dħul fil‑Ħajja Nisranija lil 12‑il katekumenu, jiġifieri persuni li f’età adulta jagħżlu l‑ħajja Nisranija.
It‑12‑il adult, li llejla b’dawn is‑sagramenti se jsiru membri ġodda tal‑Knisja Kattolika, huma minn Malta, iċ-Ċina, it-Turkija, il-Latvija, l-Ingilterra, Franza, in-Nepal u l-Albanija.
Matul ir‑Randan, dawn il‑persuni ltaqgħu mal‑Arċisqof Scicluna bi tħejjija għal dan il‑mument importanti f’ħajjithom. Wieħed minn dawn il‑katekumeni hu Freyr, li twieled fir‑Renju Unit u trabba bħala Xhud ta’ Ġehovah imma waqaf jattendi għal-laqgħat tagħhom meta kellu 12-il sena. Freyr beda jieħu interess fil-Knisja Kattolika fiż-żmien meta miet il-Papa San Ġwanni Pawlu II. Sentejn wara, tkellem ma’ saċerdot dwar il-proċess ta’ konverżjoni. Is-saċerdot qal lil Freyr jispjega r-raġuni għaliex ried isir Kattoliku. Is-saċerdot spjegalu li għandu jkun jaf u jifhem il-fidi tiegħu qabel jikkonverti. Freyr hu grat għal din il-konverżazzjoni u qatta’ 16-il sena jirrifletti dwar xi tfisser il-fidi għalih. Is-sejħa biex jikkonverti għall-Kattoliċiżmu saret iktar b’saħħitha wara li ġie jgħix f’Malta u f’Ħadd il-Għid tas-sena li għaddiet ħassu ispirat jesprimi r-raġuni għaliex ried jikkonverti u applika biex jagħmel il-programm tar-Rit għad-Dħul tal-Adulti fil-Ħajja Nisranija.
Iċ‑ċelebrazzjoni tal‑Vġili tal‑Għid tibda fit‑8:00 p.m. u tinkludi: it‑tberik tan‑nar li jsir fuq iz‑zuntier tal‑Konkatidral ta’ San Ġwann u tkompli bit‑tħabbira tal‑Għid; il‑qari ta’ siltiet mill‑Kotba Mqaddsa u l‑kant tal‑Glorja; it‑tberik tal‑ilma, jiġifieri meta l‑blandun mixgħul min-nar imbierek fuq iz‑zuntier jiddaħħal fl‑ilma; u l‑liturġija tal‑Ewkaristija.
Bl‑ilma mbierek jitgħammdu l‑katekumeni li jirċievu wkoll il‑Griżma tal‑Isqof biż‑żejt tal‑Griżma li ġie kkonsagrat nhar Ħamis ix‑Xirka filgħodu. Waqt l‑istess Vġili, l‑imgħammdin ġodda jirċievu t‑tqarbin. Fil‑Knisja Kattolika dawn is‑sagramenti huma l‑pedament li fuqhom tinbena l‑ħajja tal‑membri tagħha u li jħejju t‑triq għas‑sagramenti l‑oħra.
Din iċ-ċelebrazzjoni tixxandar fuq TVM News+, Radju 103, knisja.mt u Newsbook.com.mt.