Minkejja li l-iskejjel jinsabu battala mill-istudenti li qed igawdu l-btajjel tas-sajf, ix-xogħol fihom ma jieqafx.
Dan hekk kif il-Gvern, permezz tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Ghada, għaddej b’ħidma intensiva biex b’investiment ta’ madwar tmien miljun ewro, sas-sena skolastika li jmiss, jinfetħu sebgħa u sebgħin laboratorju fl-iskejjel sekondarji kollha madwar Malta u Għawdex.
Fost dawn il-laboratorji wieħed isib dawk tal-Inġinerija, turiżmu u ospitalità, kura tal-ġisem, media, tessuti u l-informatika.
ONE News tkellem ma’ Mario Gafa – il-Kap Eżekuttiv tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel t’għada li spjega li l-ħsieb wara dawn il-laboratorji hu li studenti li mhux interessati f’suġġetti konvenzjonali, jkollhom l-opportunità li joħorġu mis-sekondarja b’bagalja ta’ ħiliet li sservihom għall-futur.
“GĦALHEKK IKUNU IŻJED JISTGĦU JUTILIZZAW DAWN IL-VOCATIONAL EDUCATIONAL TECHNOLOGY LABS U JARAW JEKK DAN HUX ADDATTAT GĦALIHOM MINN ĊERTU ETA U MA JOQODX JAGĦMLU STUDJU GĦALXEJN JEKK JARAW LI DAN MA JKUNX L-ISKOP TAGĦHOM.”
Il-Perit tal-proġett, Christian Abela spjega kif f’ħafna mill-iskejjel, spazji ezistenti se jkunu konvertiti f’dawn il-laboratorji, iżda fl-iskejjel tal-Imrieħel u taż-Żejtun, se ssir estensjoni tal-bini.
“AĦNA BDEJNA WKOLL LI NARAW LI BĦALA DISINN HU ATTRAJENTI BIŻŻEJJED LI JIĠBED ANKE L-ISTUDENTI. BĦALA XOGĦOLIJIET INFRASTRUTTURALI JINKLUDU XOGĦOLIJIET TA’ EXTENSIONS TA’ SKEJJEL FEJN SE JSIRU LABORATORJI ĠODDA FIHOM U ANKE FI KLASSIJIET EŻISTENTI FEJN SE JSIRU XOGĦOLIJIET STRUTTURALI FEJN SE JINFETĦU U JSIRU XI ĦITAN U APERTURI.”
Waqt li għaddej ix-xogħol fuq dan il-proġett ambizzjuż, ONE News tkellem ukoll ma’ Daniela Zerafa – Uffiċjal Edukattiv tal-Informatika li stqarret li permezz ta’ dan il-laboratorji, l-istudenti se jingħataw l-opportunità li jmissu b’idejhom dak li se tkun qed tistenna minnhom l-industrija.
“ĦA JGĦINHOM ĦAFNA GĦAX BĦALISSA QED NAĦDMU B’AFFARIJIET U RIŻORSI LI HUMA LIMITATI ĦAFNA. OVJAMENT L-GĦAN TA’ DAN IL-PROĠETT HU LI R-RIŻORSI JKUNU IŻJED MIFRUXA U VIĊIN IL-ĦAJJA REALI LI HEMM FL-INDUSTRIJA BIEX OVJAMENT HEMMHEKK IT-TFAL THEY ENGAGE THEMSELVES MA’ HEMM BARRA X’ED JISTENNEW”
L-istudenti kollha li jagħżlu dawn is-suġġetti vokazzjonali se jkollhom iċ-ċans li jkomplu l-istudji tagħhom fi skejjel post sekondarji bħall-MCAST.