Raġel mill-Kamerun ingħata sentenza ta’ tmien xhur ħabs sospiża għal sena w nofs wara li wieġeb ħati li seraq mobile f’Paceville.
Kevin Mengue, li għandu għoxrin sena u joqgħod il-Gżira, ammetta l-akkużi ta’ serq, li kienu aggravati biż-żmien u l-valur.
Fil-Qorti ntqal li kien hemm mara qed tiekol fuq barra ta’ ristorant meta l-akkużat ħatfilha l-mobile minn fuq il-mejda u ħarab jiġri.
Ronda tal-pulizija li kienet fil-viċin rat lill-mara tiġri wara l-akkużat u sussegwentament qabditu u arrestatu.
Il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit innutat li r-raġel kellu kondotta nadifa u li l-oġġett misruq ingħata lura lill-mara.