Fl-aħħar jiem il-Ministeru għas-Saħħa ħareġ sejħa ta’ erba’ konsulenti mediċi ġodda, fosthom tliet radjoloġisti fi speċjalitajiet diversi. Dan fl-istess ħin li ddaħħlu 116-il tabib ġdid fil-Ministeru għas-Saħħa. Dawn huma tobba ġodda, li għadhom kemm temmew l-istudji tagħhom.
Din is-sena kienet sena rekord għall-sejħiet u ingaġġ ta’ konsulenti, fejn sa issa ħarġu total ta’ 16-il sejħa matul l-2016, kif ukoll ġew ingaġġati sitt konsulenti oħra b’sejħiet li ħarġu qabel l-2016. Total ta’ 22.
Fost dawn fl-aħħar jiem bdew jaħdmu fl-Emerġenza tat-Tfal, fl-Isptar Mater Dei żewġ konsulenti kwalifikati fl-emerġenza pedjatrika. Din hija l-ewwel darba f’pajjiżna illi għandna speċjalisti dedikati għall-emerġenza tat-tfal.
“Ir-riżorsa umana hija ta’ importanza kbira għalina. Huwa permezz tal-istaff kliniku fl-isptarijiet u dipartiment kollu tagħna li nistgħu noffru s-servizz mixtieq lill-pazjenti tagħna. Għaldaqstant nemmnu fl-importanza li ninvestu fir-riżorsa umana , biex b’hekk mhux biss nibqgħu naħdmu biex neliminaw il-listi ta’ stennija, iżda anke jkollna staff speċjalizzat fi proċeduri ġodda,” qal il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne.