115,000-il elf klijent tal-kumpanija tat-telekomunikazzjoni Melita se jkunu qed jaraw avvanz fis-servizz tal-internet fuq il-mobajl wara li l-kumpanija nediet is-servizz ta’ 4.5G.
Waqt attività li nediet dan l-avvanz fis-servizz, Il-Kap Eżekuttiv tal-kumpanija Melita, Harald Rösch spjega li dan kien il-pass neċessarju biex Melita tibqa kompetittiva u toffri l-aħjar servizz lill-klijenti tagħha.
Simon Montanaro, uffiċjal tekniku mal-kumpanija Melita spjega ma’ ONE News li dan il-proġett ser ikun qed jiġi implimentat l-ewwel fil-Belt Valletta u se jwassal biex l-abbonati ta’ Melita jgawdu minn velocità ta’ internet ta’ livell għoli ħafna.
Is-Sur Montanaro sostna li l-115,000-il elf klijent tal-kumpanija Melita, se jkunu jistgħu jibbenefikaw minn 4.5G madwar Malta kollha sal-aħħar ta’ din is-sena.
Waqt l-istess attività, is-Segretarju Parlamentari għall-Ekonomija Diġitali, Silvio Schembri stqarr li dan kien pass għaqli ħafna li jimxi id f’id mal-viżjoni tal-Gvern li pajjiżna jkollu qafas ta’ konnetivita li jlaħħaq speeds ta’ 5G fil-futur qarib. Hu żied jgħid ukoll li l-investimenti ta’ Melita huma turija ċara tat-tisħiħ ekonomiku li qed jesperjenza pajjiżna.