11,500 telefonata għall-assistenza daħlet fuq il-helpline 138, fi kważi erba’ xhur mindu nħoloq.
Ħabbar dan il-Ministru responsabbli mir-Riforma fis-Settur tal-Kostruzzjoni, Jonathan Attard, waqt il-Laqgħa Ġenerali Annwali tal-Malta Chamber for Construction Management.
Il-Ministru Attard, tkellem ukoll dwar ir-riformi li saru fis-settur tal-kostruzzjoni, sabiex jogħlew l-istandards. Semma fost l-oħrajn, l-introduzzjoni ta’ direttorat li jippromwovi s-sigurtà, kif ukoll ir-riċerka kontinwa.
“Din il-kamra hi stakeholder ewlieni fis-settur tal-kostruzzjoni. Settur li għaddej minn proċess riformattiv – mhux biss bir-regolazzjonijiet u l-leġiżlazzjonijiet, imma anke s-servizzi li l-Gvern ilu biex jimplimenta, inkluż, is-servizz tal-helpline 138, li ċertament għamel id-differenza, għax ċertament huwa punt ta’ referenza, mhux biss għall-informazzjoni, imma wkoll biex in-nies jirrapurtaw dak li għandu jiġi għall-attenzjoni tal-awtoritajiet.”
Dr Attard, tkellem dwar kif mill-pubblikazzoni tal-inkjesta Sofia, saru diversi riformi mir-rakkomandazzjonijiet li saru.
Żied jgħid kif saħansitra żdiedet l-allokazzjoni tal-Awtorità għall-Bini u l-Kostruzzjoni – li wettqet ukoll eluf ta’ spezzjonijiet. Elenka wkoll għall-liċenzjar tal-kuntratturi u l-bennejja, bil-għan li jirregola s-settur b’mod aħjar.
Huwa tkellem ukoll dwar żewġ skemi li se jiġu mnedija, sabiex isir pass ieħor ‘il quddiem għall-effiċjenza fl-enerġija.