Wara snin ta’ studju u sagrifiċċji, mija u ħmistax-il tabib u tabiba li ggradwaw mill-Università ta’ Malta din is-sena, bdew joffru s-servizzi tagħhom fis-sistema tas-saħħa pubblika.
Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne, iltaqa’ ma’ wħud minn dawn it-tobba ġodda fl-Isptar Mater Dei, fejn awguralhom għas-suċċess tagħhom.
Huwa aċċenna dwar l-importanza li t-tobba jkomplu bl-istudji tagħhom u jispeċjalizzaw f’oqsma differenti biex jagħtu l-aqwa servizz lill-pazjenti.
Id-Deputat Prim Ministru qal: “Illum huwa rikonoxxut li s-sistema tas-saħħa tagħna hija fost l-aqwa fl-Ewropa jekk mhux fost l-aqwa fid-dinja. Dan huwa possibbli bis-sehem kbir li jagħtu l-professjonisti tagħna.”
Chris Fearne nnota li mill-elfejn u tmintax sal-lum ingħaqdu aktar minn tliet mija u ħamsin tabib ġdid fis-servizz tas-saħħa pubblika.
Huwa sostna: “Mill-elfejn u tmintax, tliet mija u ħamsin tabib ġdid daħlu fis-sistema tas-saħħa tagħna. Tobba żgħażagħ, imma kwalifikati, u determinati u kollha entużjażmu u ħeġġa biex jagħtu servizz lill-Maltin u l-Għawdxin kollha, servizz eċċellenti li jkompli jżommna fost l-aqwa fid-dinja.”
Ritratt: MFH