Mija u ħmistax-il avukat u żewġ prokuraturi legali ġodda ngħataw il-warrants biex jibdew joperaw il-professjoni legali tagħhom f’pajjiżna. Dan sar waqt ċeremonja fejn attenda l-Ministru għall-Ġustizzja u r-Riforma fis-Settur tal-Kostruzzjoni, Jonathan Attard, l-Avukat tal-Istat, Dr Chris Soler, l-amministrazzjoni tal-Aġenzija tas-Servizzi tal-Qrati, rappreżentanti tal-Kamra tal-Avukati kif ukoll dawk tal-Kamra tal-Prokuraturi Legali.
Filwaqt li awguralhom, il-Ministru Attard enfasizza li dan it-tragward m’għandux ifisser it-tmiem tal-perkors edukattiv, iżda jfisser li hemm il-ħtieġa li jsaħħu l-iżvilupp professjonali tagħhom.
Hu kompla jispjega kif se jiġi implimentat tibdil fil-kamp kriminali, inkluż fejn jidħlu l-kumpilazzjonijiet u l-inkjesti maġisterjali. Qal li wara ż-żieda, bla preċedent, fl-għadd ta’ maġistrati, issa hemm erba’ maġistrati ffokati kompletament fuq l-inkjesti.
“Professjonisti legali huma pedina importanti tas-sistema ġudizzjarja ta’ pajjiżna u, għaldaqstant, irridu nkomplu nassiguraw li nattiraw aktar nies lejn din il-professjoni biex ikollna soċjetà fejn ikollok qafas ġudizzjarju b’saħħtu u effettiv, għax huma dawn il-professjonisti li jistgħu wkoll jikkontribwixxu, flimkien ma’ stakeholders tagħna, ewlieni l-Gvern, li hi effiċjenza tal-ġustizzja u ġustizzja li tkun waħda effettiva.”
Iċ-ċerimonja kienet indirizzata wkoll mill-Imħallef Giannino Caruana Demajo, mill-President tal-Kamra tal-Avukati, Peter Fenech, u l-President tal-Kamra tal-Prokuraturi Legali, Gerald Bonello.